Bil-Filmat: “€751 Misruqa F’Kontijiet Tad-Dawl” – Il-Kelliem Tal-PN Peter Agius
Hekk kif iktar tard illum Konrad Mizzi mistenni li jidher quddiem il-PAC, il-Kelliem tal-PN Peter Agius permezz ta’ filmat qasir spjega b’mod sempliċi kif l-Electrogas qed tħallas €130 miljun aktar f’kuntratti miftehma.
Agius spjega kif €40 miljun qed jitħallsu żejda għall-gass li qed jinxtara mill-kumpanija fl-Ażerbajġan, Socar. Huwa kompla jispjega kif €40 miljun oħra kienu ġew maħfura mit-taxxi dovuti li kellha tħallas l-Electrogas.
“Jekk dawk ma kienux biżżejjed, Electrogas daħlu fi ftehim eċċezzjonali fejn il-Gvern huwa obbligat li jixtri mill-Electrogas anke meta din tbiegħ bl-għoli.” Peter Agius kompla jgħid li l-Awditur Ġenerali kien ħareġ rapport fejn jgħid li f’18-il xahar biss Malta kienet tiffranka €40 miljun oħra kieku f’ċertu perjodi u ħinijiet il-Gvern kien jixtri l-elettriku mill-interconnector bi prezz irħas.
Il-Kelliem tal-PN kompla jgħid li “l-Enemalta flok investit il-flus biex issaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku nefqet €10 miljuni f’solar farm fil-Montenegro, li kien jiswa biss €3 miljuni.”
Huwa temm jgħid li b’dawn biss, sa fejn s’issa huwa magħruf il-pajjiż kien ikun franka €130 miljun. “Dan ifisser li fuq 173,000 kont li jinħareġ f’Malta u Għawdex kollha, kieku konna niffrankaw €751 fuq kull kont tad-dawl.”
Ara l-filmat: