Bil-Filmat: “Ġieli Jkolli Ħobża Mmuffata, Inneħħilha L-Moffa U Niekol Minnha…” – Storja Reali Ta’ Mara Li Tkellmet Dwar Ħajjitha

 Bil-Filmat: “Ġieli Jkolli Ħobża Mmuffata, Inneħħilha L-Moffa U Niekol Minnha…” – Storja Reali Ta’ Mara Li Tkellmet Dwar Ħajjitha

“Ġieli jkolli ħobża mmuffata, inneħħilha l-moffa u niekol minnha. Fiex tista’ tasal bniedma? U minjaf kemm mort inkellimhom lis-soċial workers, ninħasel b’tal-platti għax lanqas ikolli biex ninħasel. Dik mhux faqar tgħidilha? Mela x’tgħidilha?”

Din hija storja reali ta’ mara li tinsab f’diffikultajiet soċjali u ta’ mard u li hija stess irrakkontat f’intervista. Dan huwa parti minn proġett ‘Fejn Hu Ħuk?’ li l-Parroċċa San Ġorġ f’Għawdex qed taħdem fuqu sabiex toħroġ realtajiet ta’ persuni li jinsabu weħedhom jiġġieldu l-problemi. Finalment l-iskop huwa li dawn in-nies jkollhom l-għajnuna mill-komunità u minn dawk li jkunu jistgħu jgħinu f’sitwazzjonijiet iebsa bħal dawn.

“Biċċa ħobż niekol filgħaxija, u ġieli fittitha fit-te…Ġieli taf x’nagħmel biex nimla żaqqi? Nixrob xebgħa ilma u ninfaqa’…Kemm il-darba rqadt bil-ġuħ, mhux l-ewwel darba,” kompliet tgħid din il-mara fl-intervista.

Din il-mara kellha passat trawmatiku ħafna, u ftit ilu mardet b’kanċer li minħabba fih ma tistax taħdem. Illum tgħix f’faqar estrem.

“Jiena ġieli nibda ntella’ u nniżżel, ngħid nitla’ Mount Carmel, għax almenu hemmhekk niekol u m’għandix dawn l-ispejjeż. Imma jekk jiena nħoss li moħħi ma telaqx għalfejn għandi…biżżejjed qed inbati…inkompli nbati?”

Din il-mara b’diqa titkellem fuq it-toqol tal-ħajja u tgħid “jien lill-Bambin taf x’ngħidlu? Ngħidlu inti bgħattli oġġett kbir u qaluli li jista’ jitfaċċali ieħor, ngħidlu ibgħatli ieħor ħalli mmut għax iddejjaqt ħajja f’dil-estremità.”

Però hija fid-diffikultajiet kollha tagħha ma tridx li dan kollu jgħaddi minnu ħaddieħor.

“Għax jien taf x’ngħidlu lil Alla? Ngħidlu tajtni li ma niflaħx, inġorru. Tajtni żżejjed. Imma ma rridekx tagħtih lil ħaddieħor għax jien naf kemm qed inbati.”

Din hija storja li bħala hawn ħafna li qed ibatu fis-skiet ta’ darhom. Dan is-sit mill-ewwel ġurnata tiegħu dejjem kien sit li jagħti vuċi lil kulħadd anke lil aktar batut.

Kompli ara l-istorja ta’ din il-mara f’dan il-filmat:

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com