Bil-Filmat: “Irridu Nserrħu Moħħ Dawn Ir-Residenti Għax Għandhom Raġun Jinkwetaw” – Ivan Castillo

 Bil-Filmat: “Irridu Nserrħu Moħħ Dawn Ir-Residenti Għax Għandhom Raġun Jinkwetaw” – Ivan Castillo

“Qed nistennew traġedja,” hekk kiteb residenti inkwetat mix-Xemxija lill-kandidat tal-PN Ivan Castillo dwar sitwazzjoni u problema stramba li qed ikollhom jgħixu biha ta’ kuljum.

“Ma stajtx nemmen qabel ma rajt jien stess!!” qal Castillo, sakemm irċieva dan il-filmat fejn jidher bieb li ma’ kull vettura kbira li tgħaddi mit-triq il-binja tibda tivvibra

Huwa kompla jgħid li għamel diversi żjarat fid-djar f’Xemxija Hill u ħafna tkellmu miegħu fuq it-tħassib tagħhom dwar is-sigurtà ta’ darhom stess.

“Issa nista’ nifhem aħjar…Irridu nserrħu moħħ dawn ir-residenti għax għandhom raġun jinkwetaw,” saħaq Ivan Castillo fil-kitba tiegħu fuq il-mezzi soċjali.

Huwa kompla jtenni li ftit metri biss bogħod il-Knisja l-antika tax-Xemxija kienet waqgħet. “Iż-żona kollha qed tinbena fuq it-tafal. Wieħed jistaqsi fuq l-istabbiltà tat-triq peress li hija arterja ewlenija għall-Mellieħa u għal Għawdex, u t-traffiku huwa rampanti. Immaġina l-ammont ta’ vetturi tqal li jgħaddi minn din it-triq kuljum!”

Ivan Castillo tenna “li jkollok il-bibien tiegħek u l-mejda tal-kċina tiegħek jiċċaqalqu kull darba li tgħaddi karozza tal-linja, hija ‘l bogħod minn dak li hu aċċettabbli. Dan jeħtieġ li jiġi indirizzat.”

Huwa temm jgħid li hemm bżonn ta’ rotta alternattiva permanenti lejn il-Mellieħa u Għawdex minn San Pawl il-Baħar, filwaqt li qal li “irridu nieħdu azzjoni issa qabel ikun tard wisq.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com