Bil-Filmat: Kont Taf Li Fil-Limiti Tal-Qrendi Hemm Parti Fil-Baħar Magħluqa F’Pixxina Naturali?
Il-vlogger Malti, Angelo Caruana għal ġimgħa oħra qed jurina ġawhra oħra mill-gżejjer Maltin, li ftit nies jafu biha.
Caruana esplora post interessanti ferm li jinsab fil-limiti tal-Qrendi. Hawnhekk wieħed jsib pixxina naturali moħbija qalb il-blat li din timtela permezz ta’ mina taħt l-irdum li minnha jidħol l-ilma baħar.
Angelo Caruana qalilna li sabiex tasal għal din il-pixxina, trid tipparkja l-karozza fejn Għar Lapsi u taqbad mixja qasira direzzjoni lejn Wied iż-Żurrieq. Wieħed irid joqgħod ħafna attent fejn jgħaddi peress li l-kosta ta’ dawn l-inħawi hija waħda fraġli u faċli jaqa’ xi blat.
Il-veduti min hawn huma tal-meravilji b’ diversi għerien żgħar, bajjiet, rdum kif ukoll xenarju mill-isbaħ tal-baħar u l-gżira ta’ Filfla.
Fil-filmat li qasam magħna Angelo tistgħu taraw ukoll filmati taħt il-baħar tal-mina li tissupplixxi l-ilma baħar għal din il-ħofra fil-blat. Caruana jgħid li din hija ġawhra naturali oħra f’pajjiżna.
Caruana temm jgħid li huwa importanti li nużaw l-passaġġi eżistenti sabiex ma nagħmlux ħsara lil flora u fawna tal-post u nżommu l-ambjent nadif.
Ara l-filmat: