BREAKING: Roberta Metsola Magħżula Mill-PPE Biex Tikkontesta Għall-Presidenza Tal-Parlament Ewropew
Roberta Metsola għada kemm rebħet l-elezzjoni interna tal-Partit Popolari Ewropew b’64% tal-voti sabiex issa hija ġiet magħżula bħala l-kandidata uffiċjali ta’ dan il-Partit għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew.
Fi stqarrija l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech awgura lil Roberta Metsola li issa hi l-kandidata tal-Partit Popolari Ewropew għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew. Il-Partit Popolari Ewropew huwa l-akbar forza politika fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fisser dan il-mument mhux biss wieħed li jagħmel unur lil Roberta Metsola imma wkoll lil Malta u lill-Partit Nazzjonalista li minn dejjem emmen fl-Unjoni Ewropea u li kien grazzi għalih li pajjiżna llum għandu l-possibbiltà li waħda minn uliedu tmexxi istituzzjoni ta’ din l-unjoni li tirrappreżenta liċ-ċittadini ta’ xejn inqas minn 28 pajjiż.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wiegħed ukoll l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista fil-proċess li se jwassal għall-elezzjoni ta’ President tal-Parlament Ewropew f’Jannar li ġej.
Bir-rebħa tal-lum dan ifisser li Roberta Metsola tista’ tkun qed tokkupa l-għola pożizzjoni politika li qatt kellu politiku Malti fl-Istorja ta’ Pajjiżna.
‼️ BREAKING ‼️
🇪🇺 @RobertaMetsola is the @EPPGroup’s candidate for President of the European Parliament in January 2022.
🇪🇺 She is an exceptional candidate to lead this Institution and work with all political families.
🇪🇺 She will deliver for all Europeans! pic.twitter.com/wmbIy9PhTO
— EPP Group (@EPPGroup) November 24, 2021