Diversi Persuni Arrestati B’Rabta Ma’ Ħasil Ta’ Flus

Xhur ta’ investigazzjonijiet intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan idDipartiment tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji, wasslet biex fis-sigħat illi għaddew twettqet operazzjoni li fiha ġew arrestati numru ta’ persuni, kemm Maltin kif ukoll Libjani.
Waqt din l-operazzjoni l-Pulizija elevat żewġ vetturi lussuzi, madwar €100,000 fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, pjanċi ta’ vetturi b’reġistrazzjoni barranija, apparat elettroniku li jinkludi fost oħrajn mobiles, pendrives, kompjuters, tablets u servers u ammont kbir ta’ dokumenti li qed jiġu analizzati.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ saru b’koordinazzjoni ma’ diversi entitajiet barranin fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Italja u l-Europol.
Dawn il-persuni mistennija jitressqu l-Qorti illum, għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija (2000hrs), quddiem il-Maġistrat Dr Natasha Galea Sciberras. Huma se jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus, b’assoċċjazzjoni, reati ta’ evażjoni ta’ taxxa, attività finanzjarja mingħajr liċenzja millawtorità kompetenti, fost reati oħra.