“Ejja Nagħtu L-Festa Lura Ħalli Dak Li Huwa Parti Mill-Identità Kulturali Tagħna Ma’ Nitilfuhiex” – Il-MP Oliver Scicluna

 “Ejja Nagħtu L-Festa Lura Ħalli Dak Li Huwa Parti Mill-Identità Kulturali Tagħna Ma’ Nitilfuhiex” – Il-MP Oliver Scicluna

Bosta voluntiera għadhom qed iħossuhom minsija hekk kif bosta attivitajiet reġgħu qed jibdew isiru b’xi mod jew ieħor. Fil-każ tal-festi skiet kbir mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Fil-jiem li għaddew bosta persuni kitbu messaġġi fuq il-mezzi soċjali fejn anke l-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda Noel Camilleri tkellem ukoll fuq TVM dwar is-sitwazzjoni preżenti. Ilbieraħ stess bosta reġgħu tkellmu wara li ġiet organizzata l-Fun Run tal-President, fejn ħafna qalu li r-restrizzjonijiet mhux għal kulħadd qed ikunu l-istess.

Dalgħodu jidher li issa anke Membri Parlamentari mill-Gvern bdew jiktbu ħsibijiet dwar dan is-suġġett.

Il-Membru Parlamentari Oliver Scicluna qal li fl-aħħar sentejn il-Festa tradizzjonali Maltija għaddiet min sfidi kbar. Huwa sostna li “t-tkissir tal-moħħ tal-voluntiera biex iżommu t-tradizzjoni tal-Festa ħajja qiegħed iżomm il-kultura tagħna ħajja b’ħafna sfidi li qed joħolqu pressjoni fuq l-għaqdiet.”

“Naħseb li wasal iż-żmien biex ikun hemm pjan ċar ta’ kif il-festi ser jimxu lura għan-normal mis-sena d-dieħla,” saħaq Scicluna, filwaqt li kompla jgħid li “għandna pajjiż li l-vaċċinazzjoni miexja tajjeb ħafna, u kif ukoll jidher li l-provi tal-mass events ħadmu.”

“Ejja nagħtu l-festa lura ħalli dak li huwa parti mill-identità kulturali tagħna ma’ nitilfuhiex,” temm jgħid Oliver Scicluna.

Messaġġ ieħor kien dak mill-Ministru Evarist Bartolo fejn qal li l-baned għad għandhom sehem siewi ħafna fil-hajja tal-ibliet u rħula tagħna. “Grazzi lil dawk il-voluntiera li jmexxuhom b’ħafna sagrifiċċji personali u familjari,” temm jgħid fil-messaġġ tiegħu dwar ritratt bl-istandardi tal-każini waqt il-quddies fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Ċeċilja fil-Kon-Katedral ta’ San Ġwann nhar is-Sibt li għadda.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com