“Ejjew Inkunu L-Bidla U Nibdew Minn Issa Stess Nagħtu Prijorità Lit-Tolleranza U L-Paċi…” – Il-President George Vella
“Ejjew inkunu l-bidla u nibdew minn issa stess nagħtu prijorità lit-tolleranza u l-paċi f’kull deċiżjoni meħuda kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali.”
Il-President ta’ Malta qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tat-Tolleranza, organizzata mill-Kunsill Globali għat-Tolleranza u l-Paċi.
Id-diskussjoni matul il-konferenza ffukat fuq tliet temi importanti: l-edukazzjoni, il-kultura u l-midja. Il-President George Vella spjega li dan l-approċċ bi tliet partijiet jistrieħ fuq il-kunċett importanti ħafna fejn l-umanità titpoġġa fiċ-ċentru tal-isforzi kollettivi tagħna fil-qasam politiku, ekonomiku u soċjali.
Spjega li n-nuqqas ta’ azzjoni globali serja biex tiġi indirizzata l-emerġenza umanitarja tal-persuni li qegħdin jaħarbu t-tibdil fil-klima u tan-numru li qiegħed dejjem jiżdied ta’ persuni li jiġu mġiegħla jiċċaqilqu fi ħdan l-istess pajjiż kif ukoll il-migranti li jmorru f’żoni ġeografiċi iktar stabbli u produttivi, huwa inkwetanti.
Il-President Vella kompla jgħid li l-azzjoni kollettiva għandha tkun xprunata minn konvinzjoni qawwija fil-benefiċċji li niksbu meta nżommu l-paċi pożittiva bħala l-prinċipju ewlieni fil-livelli differenti kollha ta’ azzjoni.
Huwa għalaq billi qal li neħtieġu rieda politika qawwija, impenn u oqfsa leġiżlattivi li jħarsu l-umanità u l-benesseri tal-iktar gruppi vulnerabbli u marġinalizzati fis-soċjetà.
Ritratti: DOI