“F’54% Tal-Kontijiet Investigati Nstab Serq Ta’ Aktar Minn €10 Fuq Kull Kont Sa Massimu Ta’ €500” – Il-PN
“Wara l-konferma tal-Awditur Ġenerali li sa mill-2013, il-poplu Malti u Għawdxi s’issa nsteraq aktar minn €50 miljun mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Partit Nazzjonalista jtenni li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech irodd lura dawn il-miljuni, filwaqt li jibda jibgħat kontijiet ġusti ħalli jitneħħa dan is-serq.”
Hekk qal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius matul konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjega kif l-Awditur Ġenerali kkonferma li dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista hu uffiċjali.
David Agius innota kif, min-naħa l-oħra, ix-Xandir tal-Istat u tal-Partit Laburista ppruvaw jiġġustifikaw dan is-serq billi qalu li ma kienx hemm serq fi kważi nofs il-kontijiet li kienu investigati mill-Awditur Ġenerali.
“Madankollu, ma ntqalx li f’54% tal-kontijiet investigati, instab serq ta’ aktar minn €10 fuq kull kont sa massimu ta’ €500, f’konferma oħra ta’ kemm ix-Xandir tal-Istat hu maħkum mill-Gvern ta’ Robert Abela.”
David Agius spjega li l-Awditur Ġenerali kkonferma li fil-kontijiet tad-dawl insterqu medja ta’ €4.6 miljun fis-sena, filwaqt li fil-kontijiet tal-ilma nsterqu medja ta’ €1.9 miljun. Dan ifisser total ta’ €6.5 miljuni fis-sena u allura, l-aktar minn €50 miljun li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li nsterqu s’issa.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Politika tal-Enerġija Ryan Callus staqsa li issa li anke l-Awditur Ġenerali qed jikkonferma dan is-serq, x’qed iżomm lill-Gvern Laburista milli jwaqqaf is-serq sfaċċat mill-kontijiet.
Ryan Callus qal li l-Awditur Ġenerali faħħar il-kunċett tal-ismart meters, li kienu introdotti f’pajjiżna minn Gvern Nazzjonalista, għax bis-saħħa tagħhom, l-ARMS żiedet id-dħul tagħha b’€45 miljun minħabba li nqata’ s-serq.
Spjega li l-Gvern Laburista qed jasal għall-konklużjoni waħdu li familji ta’ tlieta jew erba’ persuni huma klijenti li jikkunsmaw ħafna. Dan meta tlieta jew erba’ persuni huma l-ammont medju ta’ persuni f’familja Maltija.
Id-Deputat Nazzjonalista tenna wkoll li mhux aċċettabbli li l-Partit Laburista u l-media tiegħu, kif ukoll ix-Xandir tal-Istat qed jippruvaw iqarrqu billi jikkwotaw biss il-parti li tgħid li l-minoranza li ma nsterqux.