Ftehim Bejn Il-Forzi Armati Ta’ Malta U L-MCAST Għal Aktar Opportunitajiet Ta’ Taħriġ

 Ftehim Bejn Il-Forzi Armati Ta’ Malta U L-MCAST Għal Aktar Opportunitajiet Ta’ Taħriġ

Ftehim ta’ ħames snin ser iwassal għal żvilupp tal-edukazzjoni u għal taħriġ kemm tal-istudenti tal-MCAST kif ukoll tas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta. Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri tħabbar kif dan ser ikompli jassigura kollaborazzjoni akbar bejn iż-żewġ entitajiet biex aktar studenti u suldati jingħataw l-għodda possibbli biex ikollhom karriera ta’ suċċess.

Permezz tal-ftehim bejn il-FAM u l-MCAST, ser jiġu żviluppati korsijiet apposta li ser jaraw li r-rekluti tal-Forzi Armati jiksbu korsijiet akkreditati ta’ livell MQF. Għaldaqstant, l-uffiċjali jkunu jistgħu jiżviluppaw il-kapaċitajiet u l-għarfien tagħhom iżda wkoll igawdu mill-benefiċċju ta’ taħriġ validu biċ-ċertifikati li jistgħu jissarrfu fid-dinja tax-xogħol. Dan filwaqt li l-Forzi Armati ta’ Malta ser ikunu qed joffru taħriġ lill-istudenti tal-inġinerija fost l-oħrajn fuq livell tekniku u professjonali.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana spjegat li dan il-ftehim ser jiftaħ ukoll opportunitajiet ta’ impjieg hekk kif il-gradwati tal-MCAST, partikolarment dawk li jsegwu Diploma Estiża fl-Istudji tal-Fondazzjoni għas-Sigurtà, Infurzar u Protezzjoni, ikunu jistgħu jingħaqdu mal-FAM meta jtemmu l-istudju b’suċċess.  “L-MCAST qed tkompli bil-ħidma tagħha biex tmexxi korsijiet rilevanti għall-industrija li jgħinu biex jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-ħiliet u wkoll biex tgħin ħalli jkollna workforce li timxi mal-ħtiġijiet li għandu bżonn il-pajjiż,” qalet il-Ministru Caruana.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri sostna li dan il-ftehim huwa pass importanti biex inkomplu nsaħħu t-taħriġ tas-suldati. “Wara li tejjibna l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-korpi dixxiplinati kollha, issa kien imiss li nimbuttaw għal taħriġ ta’ kwalità akkreditat biex xogħol fil-Forzi Armati u f’korpi oħrajn jibda verament jitqies bħala karriera. Illum, kull min jagħżel li jibda l-karriera tiegħu fis-servizz jaf li għandu gvern kommess li jinvesti fih,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta, Jeffrey Curmi, semma li fil-FAM jeżisti numru sostanzjali ta’ ħiliet u snajja’ li mhumiex speċifikament assoċjati man-natura militari. Għaldaqstant, dawk is-suġġetti li mhumiex purament militari ser jiġu mgħallma f’istituzzjonijiet edukattivi u rikonoxxuti bħall-MCAST filwaqt li l-Forzi Armati ta’ Malta jkunu jistgħu jiffukaw b’mod aktar professjonali fuq l-aspett militari saħansitra b’opportunitajiet ta’ studju f’akkademji militari rikonoxxuti barra minn xtutna.

Id-Deputat Prinċipal, Dr Mario Cardona, spjega li b’dan il-ftehim l-MCAST se tkompli l-kollaborazzjoni mal-Forzi Armati ta’ Malta. “Permezz tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport qed noffru taħriġ f’oqsma differenti u qed nagħtu ċans lill-istudenti jagħmlu l-apprendistat mal-FAM,” temm jgħid Dr Cardona.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com