“Għal Darb’Oħra Ċ-Ċiklisti Minsija Mill-Gvern” –
Rapporti fuq il-ġurnali tal-lum ikomplu jixhdu n-nuqqas ta’ rispett tal-awtoritajiet responsabbli mill-infrastruttura u t-trasport ta’ pajjiżna lejn kull min jagħmel użu mir-rota biex jivjaġġa f’pajjiżna. Numru ta’ lifts li huma maħsuba sabiex jippermettu dawk li jsuqu r-rota jagħmlu użu minn pontijiet li jaqsmu toroq arterjali bħalissa m’humiex qed jiffunzjonaw. Hekk tenniet stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ffirmata mill-kelliem għat-Trasport Toni Bezzina.
Semmiet li dan ifisser li individwu li jkun qed jivjaġġa bir-rota u jkollu jaqsam triq arterjali fejn hemm biss pontijiet pedonali, bħall-Marsa Junction u l-Bypass tal-Imrieħel, ma jkunx jista’ jaqsam din it-triq u jkollu jibdel ir-rotta jew l-vjaġġ tiegħu jieqaf ħesrem.
“Filwaqt li wieħed jifhem li jinqalgħu ħsarat, mhux aċċettabbli li dawn l-ħsarat idumu biex jissewwew, speċjalment hekk kif fil-Marsa Junction, skont rapport fil-media, l-erba’ liftijiet mhumiex jaħdmu.”
Jeħtieġ aktar rispett lejn dawk li jagħmlu użu mir-rota. Sabiex pajjiżna tassew jibda jimxi lejn sitwazzjoni fejn tingħata prioritá lill-ambjent u mezzi alternattivi ta’ trasport, jeħtieġ li l-gvern b’modi konkreti jiffaċilita l-użu ta’ mezzi ta’ trasport bħar-rota u jagħtihom prioritá. Hekk temmet tgħid l-istqarrija.