“Għaliex Iva, Jien Irrid Malta Li Tkun ‘On Again’!” – Julie Zahra
“Mhux soltu nikteb fit-tul, iżda xi daqqiet, bla ma trid, tieqaf taħseb u tirrifletti. Taħseb fuq ċertu deċiżjonijiet li tkun għamilt f’ħajtek. Taħseb fuq dak li tixtieq għall-futur ta’ dawk ta’ madwarek.”
Hekk kitbet ilbieraħ Julie Zahra, kandidata ġdida tal-Partit Nazzjonalista fejn tkellmet fuq diversi diffikultajiet li tħabbat wiċċa magħhom ta’ kuljum.
Hija qalet kif waħda mid-deċiżjoni f’ħajjitha kienet propju dik li toħroġ għall-politika mal-Partit Nazzjonalista.
“Għamilt hekk għaliex inħoss li f’pajjiżna nibtet wisq il-kultura tax-xejn m’hu xejn. Fejn kollox jista’ jgħaddi mingħajr ma jiġri xejn. Fejn anki jekk tikteb fuq il-mezzi soċjali, tispiċċa attakkata bla ħniena minn nies ma tafhomx, biex jumiljawk, jattakkawk u jipprovaw jirridikolawk,” qalet Julie Zahra fil-kitba tagħha fuq il-mezzi soċjali.
Sfortunatament qed ngħixu f’pajjiż fejn id-diskussjoni qed tmut u qed jiżdiedu aktar l-attakki personali. Julie wieġbet u qalet, “Forsi għaliex mara? Forsi għaliex kandidata ġdida? Forsi għaliex wieħed jaħseb li bi dritt jista’ jgħid li jrid filwaqt li jinħeba wara l-iscreen.”
Hija qalet li għamlet dak li diġà għamlu nies oħra qabilha, li kellhom karriera oħra u ħarġu għall-politika, “jien ukoll iddeċidejt li nagħmel hekk,” saħqet Julie Zahra filwaqt li kompliet tgħid li din id-deċiżjoni għamlitha għaliex trid twaqqaf din il-mibegħda lejn l-individwu.
“Għaliex irrid nara Malta li timxi ‘l quddiem bis-saħħa tal-kapaċitajiet individwali ta’ kull persuna, il-bogħod mit-tiketti soċjali jew politiċi. Għaliex irrid nara Malta timxi ‘l quddiem għall-ġejjieni tat-tifla tiegħi u ta’ tant eluf ta’ tfal oħra. Għaliex irrid nara Malta li ma tibqax tirrenja l-kultura tax-xejn m’hu xejn u fejn il-flus jistgħu jixtru kollox u lil kulħadd. Il-flus mhux kollox. Għaliex Malta jixraqilha ħafna aħjar minn hekk,” tenniet Julie Zahra.
Finalment hija qalet li xorta waħda ċerti persuni moħbija ser jikkumentaw, “ir-risposta tiegħi hi – li minkejja l-attakki personali kollha jiena ser nibqa’ naħdem għal għan wieħed.”
Julie Zahra temmet tgħid li “iva, jien irrid Malta li tkun ‘on again’!!”