“Għandu X’Jispjega U Għandu Jagħti Rendikont…Joseph Muscat Għandu Jibqa’ Kontabbli.” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech

 “Għandu X’Jispjega U Għandu Jagħti Rendikont…Joseph Muscat Għandu Jibqa’ Kontabbli.” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech

F’messaġġ li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu permezz ta’ intervent telefoniku fuq NET FM tkellem primarjament fuq żewġ suġġetti, li jduru mal-isptarijiet ta’ Vitals.

Bernard Grech qal li nhar il-Ġimgħa kien preżentat protest ġudizzjarju fil-Qorti sabiex jerfa bir-responsabiltà tagħhom lill-membri tal-Gvern u l-PM Robert Abela. Huwa qali li qed jibqgħu marbutin b’dawn il-kuntratti biex jgħattu lil persuni bħal Konrad Mizzi, Joseph Muscat u Keith Schembri.

Il-Kap tal-PN qal li quddiem dan kollu l-membri tal-Kabinett u l-PM Robert Abela huma kompliċi f’reat kriminali għaliex il-kuntratt li sar bejn il-Gvern u l-Vitals huwa kuntratt frawdalenti.

“Il-poplu qed jgħid issa daqshekk…irridu nipproteġu d-drittijiet tal-poplu Malti u Għawdxi kollu,” saħaq Bernard Grech.

Il-Kap tal-PN kompla jgħid li wasal iż-żmien li Joseph Muscat iwieġeb għal dak li sar meta kien Prim Ministru. “Għandu x’jispjega u għandu jagħti rendikont. Muscat għandu jibqa’ kontabbli.”

Dan wara dak li ħareġ u kien rapportat dalgħodu fis-Sunday Times, fejn kien rapportat li Steward Healthcare għaddiet €3.6 miljun lil Accutor AG, kumpanija Żvizzera mmexxija mill-avukat Wasay Bhatti. Din l-istess kumpanija kienet intużat biex jgħaddu diversi pagamenti bejn Steward Healthcare u Vitals wara l-ftehim li kien sar bejniethom.

F’dan l-istess rappurtaġġ ntqal ukoll li Joseph Muscat tħallas €60,000 fil-kont tiegħu fil-Bank of Valletta xahrejn wara li kien irriżenja minn Prim Ministru.

Fl-intervent tiegħu Bernard Grech tkellem dwar dan u qal li għandna Prim Ministru li qed jibqa’ ma jagħmel xejn. “Din il-kriminalità trid tieqaf”, saħaq Grech fejn qal li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għandu l-obbligu li jwieġeb għal dak li wettaq meta kien politiku u anke wara, għandu jispjega u jagħti rendikont ta’ għemilu.

Bernard Grech semma wkoll is-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma fejn reġa’ tenna li Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jagħti lura l-flus misruqa minn dawn il-kontijiet.

Grech qal ukoll li dalgħodu kien qed jagħmel żjara f’Marsaxlokk fejn qed jiltaqa’ man-nies, mal-biegħha tal-monti kif ukoll mal-komunità kollha kummerċjali f’dan ir-raħal.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech temm jgħid li “Aħna qegħdin fuq in-naħa tas-sewwa u qed noffru bidla b’viżjoni għal dan il-pajjiż – ejjew inwasslu din l-aħbar lin-nies ħalli aktar nies jingħaqdu magħna u naħdmu biex ikollna pajjiż aħjar.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com