Ġnien Ġdid Fuq Il-Bejt tas-Seminarju Tal-Arċisqof
L-Arċidjoċesi ta’ Malta kkollaborat ma’ Infrastructure Malta biex għamlet ġnien fuq il-bejt taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju tal-Arċisqof, f’Tal-Virtù, ir-Rabat. Il-proġett, b’investiment ta’ €300,000 jinkludi ġnien ta’ 350 metru kwadru fuq il-bejt b’730 siġra, arbuxelli u pjanti oħrajn, kif ukoll 50 siġra oħra ġdida taż-żebbuġ li tħawlu fil-ġonna tas-Seminarju.
It-tmexxija tas-Seminarju ser issemmi dan il-ġnien ‘Fr Nicholas Cachia Meditation Garden’ b’tifkira ta’ dan is-saċerdot li ddedika ħajtu għall-formazzjoni tas-saċerdoti f’Malta u fl-Istati Uniti u serva bħala direttur spiritwali tas-Seminarju tal-Arċisqof għal 17-il sena. Il-ġnien ser jikkumplimenta l-ġonna li hemm madwar il-binijiet tas-Seminarju bħala post ieħor fejn l-istudenti u s-seminaristi jistgħu jsibu ambjent għall-kwiet biex jaqraw u jistudjaw, kif ukoll għal waqtiet ta’ talb u riflessjoni. Waqt li huwa mgħammar b’sistemi ta’ irrigazzjoni modulari, dan il-ġnien ġdid se jagħti wkoll l-opportunità lill-istudenti tal-iskola tas-Seminarju biex jieħdu ħsiebu u jipprattikaw bħala parti mill-istudji tagħhom fl-ortikultura waqt sessjonijiet tal-garden club.
Il-ġnien fuq il-bejt jinkludi diversi speċi ta’ siġar u pjanti li huma adattati biex jikbru f’tali kundizzjonijiet, bħalma huma siġar taż-żebbuġ, ġummar, klin, xorbett, sedum, salvja ta’ Malta, siġret il-virgi, żebbuġija, lavanda, xebb jew siġra tal-irmied, sempreviva ta’ Għawdex u widnet il-baħar, li hija l-pjanta nazzjonali Maltija. L-ogħla parti tal-ġnien hija ddedikata għal pjanti li jattiraw in-naħal, friefet u insetti oħrajn dakkara.
Uħud mill-ħitan ukoll huma miksijin bil-veġitazzjoni, waqt li l-poġġaman mad-dawra tal-ġnien huwa tal-ħġieġ biex filwaqt li tkun imħarsa s-sigurtà ta’ kull min iżur dan il-post, dan ma jtellef xejn mill-veduti sbieħ tal-kampanja li hemm f’din iż-żona tar-Rabat. Biex il-ġnien ma jkollux impatt fuq l-istruttura tal-binja ta’ taħtu, Infrastructure Malta ħadet ħsieb li jintużaw materjali ħfief mhux biss għall-qsari u l-pavimentar, imma anke t-tipi ta’ ħamrija.
Dun Stephen Magro, id-Direttur taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju, qal li l-proġett ‘Fr Nicholas Cachia Meditation Garden’ huwa spazju ieħor qalb l-ambjent naturali tal-ġonna tas-Seminarju li fih wieħed jista’ jqatta’ ftit ħin għall-kwiet filwaqt li jiskopri iktar lilu nnifsu u l-fidi tiegħu permezz tan-natura. Dun Nicholas Cachia kien iħeġġeġ lil ħafna żgħażagħ sabiex ifittxu mumenti tas-skiet biex jiltaqgħu mal-Mulej.
Żied jgħid li diversi tfal, adolexxenti u żgħażagħ se jagħmlu użu minn dan il-ġnien, fosthom l-istudenti tal-iskola tas-Seminarju, il-membri tas-Seminary Scout Group, kif ukoll dawk li jinġabru s-Seminarju għal mumenti ta’ riflessjoni.
L-Inġinier Fredrick Azzopardi, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, irringrazzja lill-Arċidjoċesi ta’ Malta u lit-tmexxija tas-Seminarju talli taw l-opportunità lill-aġenzija biex tinvesti fi proġett ambjentali ieħor fil-komunità. Inizjattivi bħal dawn huma parti mill-impenn ta’ Infrastructure Malta għas-sostenibbiltà. Dan il-proġett fis-Seminarju għandu sinifikat akbar peress li ser jifforma parti mill-iżvilupp edukattiv u l-għarfien ambjentali ta’ ħafna tfal u żgħażagħ. L-Inġinier Azzopardi rrimarka li l-programm nazzjonali tal-aġenzija għat-tħawwil ta’ siġar riesaq lejn għeluq ir-raba’ sena tiegħu, u fix-xhur li għaddew kompliet tħawwel eluf ta’ siġar ġodda f’diversi postijiet differenti.
Il-ġnien fuq il-bejt tas-Seminarju tal-Arċisqof mhux l-ewwel proġett ambjentali li sar minn Infrastructure Malta f’kollaborazzjoni mal-Arċidjoċesi ta’ Malta u entitajiet tagħha.
Aktar kmieni din is-sena, l-aġenzija ħadmet ma’ Caritas Malta biex sit li kien abbandunat ħdejn id-dar tal-Komunità Terapewtika Residenzjali San Blas, f’Ħaż-Żebbuġ, bidlitu f’‘Bosk it-Tama”, bħala spazju ta’ riflessjoni bi 352 siġra u arbuxell. Is-sena l-oħra, Infrastructure Malta ħawlet 1,400 siġra ġdida fil-ġonna tad-Dar tal-Kleru, f’Birkirkara, u b’hekk tat ħajja ġdida lil dan il-pulmun f’waħda mill-ftit artijiet li għadhom mhux mittiefsa bil-bini f’din il-lokalità.
L-aġenzija ħawlet ukoll aktar siġar f’diversi spazji oħrajn miftuħin li huma amministrati mill-Knisja.