Ġnien U Spazju Miftuħ Għall-Familji Fuq Iz-Zuntier Tal-Knisja Parrokkjali Tal-Pietà
Proġett ġdid ta’ tħaddir fl-urban, permezz ta’ spazju miftuħ sostenibbli, se jiġi implimentat minn Ambjent Malta fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima, il-Pietà.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li dan l-investiment ta’ iktar minn €100,000 jinkludi l-ħolqien ta’ spazju miftuħ aħdar, l-installazzjoni ta’ tankijiet tal-ilma li jistgħu jaħżnu madwar 15,000 litru ilma tax-xita, sistema ta’ tisqija u sistema tad-dawl ġdida.
Bħala parti minn dan il-proġett se jitħawlu numru ta’ siġar u arbuxelli.
Il-Ministru Farrugia qal li dawn il-proġetti ta’ tħaddir fil-qalba tal-komunitajiet tagħna huma ta’ benefiċċju għall-benesseri tagħna u għall-ambjent tagħna. “Dawn il-proġetti qed jagħtu lura spazji ħodor miftuħa lill-komunità, li se jservu bħala post fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu l-ħin tagħhom mal-familji tagħhom, u b’hekk itejbu l-kwalità tal-ħajja.”
Dan il-proġett se jservi wkoll biex l-ilma tax-xita, jintuża biex jissaqqew s-siġar u l-arbuxelli mħawla.
Speċifikament, l-ispazju miftuħ se jservi wkoll bħala insulazzjoni, peress li għandu l-kapaċità li jżomm is-sħana fix-xitwa u jżomm it-temperaturi friski fis-sajf, u b’hekk itejjeb l-effiċjenza tal-enerġija tal-bini.