Gvern Ġdid Nazzjonalista Kommess Li Jgħin Lill-Koperattivi Maltin Ikomplu Jikbru

 Gvern Ġdid Nazzjonalista Kommess Li Jgħin Lill-Koperattivi Maltin Ikomplu Jikbru

Gvern ġdid Nazzjonalista kommess li jgħin lill-koperattivi Maltin ikomplu jikbru. Dan għaliex is-servizz tagħhom huwa wieħed indispensabbli għal pajjiżna.

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ġimgħa filgħodu għamel żjara fil-fabbrika tal-Benna li tinsab il-Ħamrun. Mal-wasla tiegħu huwa ntlaqa’ mid-diriġenti ta’ din il-koperattiva fejn spjegaw kemm koperattivi bħal Benna huma importanti għas-soċjetà Maltija kif ukoll għall-futur ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech kellu l-okkażjoni li jdur ma’ din il-fabbrika u jara l-proċess kif isiru l-prodotti magħmula mill-ħalib. Huwa ltaqa’ wkoll ma’ diversi ħaddiema b’uħud minnhom ilhom jaħdmu ma’ din il-koperattiva għal diversi snin. Bernard Grech saħaq li koperattivi bħal dawn jagħtu kontribut kbir lill-ekonomija ta’ pajjiżna.

Din il-koperattiva li għandha storja ta’ suċċess ta’ iktar minn 80 sena topera katina sħiħa ta’ servizzi mill-bidu tal-proċess sa meta l-prodott jasal għand il-konsumatur, filwaqt li tingħata importanza kbira lill-food safety b’laboratorji apposta li jiċċekkjaw kull prodott.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar u l-Koperattivi Edwin Vassallo u l-kandidati Charles Azzopardi u Stanley Zammit.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com