“Hemm Bżonn Ta’ Pjan Serju…Jekk Mhux Ser Tittieħed Azzjoni, Jista’ Jkun Tard Wisq” – Omar Farrugia
“Il-pandemija bidlitilna ħajjitna. Bidlitilna l-mod kif ngħixu, naħdmu u nikkomunikaw. Żgur li qegħda tħalli effetti u li dawn l-effetti ser jibqgħu jinħassu għaż-żmien li ġej.”
Hekk kiteb is-Sindku tal-Imqabba Omar Farrugia fuq il-mezzi soċjali tiegħu, wara li bosta persuni u nies prominenti qed jkomplu jwasslu l-messaġġ ġenwin tagħhom sabiex ma nkomplux nitilfu t-tradizzjonijiet sbieħ u l-identità tagħna l-Maltin.
Huwa saħaq li bħala persuna li twieled, trabba u għex fl-Imqabba jinsab imħasseb serjament dwar l-effetti tal-pandemijia li qegħdin iħallu fuq l-identità tal-lokal, liema lokal tifforma parti mill-Ħames Distrett.
Omar Farrugia sostna li fil-ħames distrett jiġu ċċelebrati 10 festi matul ix-xhur tas-Sajf. Issib 11-il Soċjetà Mużikali. 9 kmamar tan-nar li joffru spettakli fil-festi rispettivi u 10 gruppi tal-armar fost oħrajn. “Dawn l-għaqdiet volontarji jħaddnu fihom mijiet ta’ voluntiera u partitarji. L-operat ta’ dawn il-gruppi/għaqdiet tista’ tgħid li waqaf għal kollox minħabba l-pandemija.”
Huwa kiteb li issa wasal iż-żmien li lil dawn il-voluntiera ntuhom pjan ta’ kif matul is-sena 2022 jerġgħu jibdew idawwru r-rota fis-setturi tal-festa Maltija. “Irriduhom ikomplu joħolmu kif bit-talenti tagħhom ikomplu jnaqqxu l-identità tagħna l-Maltin. Irrdu nħeġġuhom sabiex ikomplu jirsistu u ma jaqtgħux qalbhom,” saħaq Farrugia.
“Hemm bżonn ta’ pjan serju,” tenna s-Sindku Mqabbi, filwaqt li qal li hemm bżonn li l-Awtoritajiet tas-Saħħa u dawk ċivili jpoġġu madwar mejda flimkien mar-rappreżentanti tal-Għaqdiet ikkonċernati sabiex jiġi mfassal pjan dwar kif it-tradizzjonijiet, il-festi u l-attivitajiet reliġjużi li jsawwru l-identità tal-poplu Malti jerġgħu jibdew jiġu organizzati.
“Jekk mhux ser tittieħed azzjoni, jista’ jkun tard wisq u ser nitilfu parti mportanti mil-kultura popolari Maltija. Kuraġġ!” temm jgħid Omar Farrugia.