“Hemm Xi Nies Li Ma Huma Se Jaħfruli Qatt Li Għint Biex Inġib Bidla Fil-Pajjiż” – Joseph Muscat
L-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat irreaġixxa fuq il-midja soċjali tiegħu għal artiklu li deher illum f’The Times of Malta bit-titlu: “Joseph Muscat wired thousands by firm linked to VGH players.”
Qal li fil-jiem li għaddew, il-ġurnal The Times of Malta staqsewh dwar xogħol li għamel malli spiċċa minn Prim Ministru, għalkemm tenna li qatt ma sema’ li staqsew lill-Prim Ministri u Ministri oħra x’xogħol u rwoli ħadu wara li spiċċaw mill-karigi tagħhom, iżda hu ma kellux problema jwieġeb. “Kont trasparenti għal kollox.”
“It-titlu tal-istorja iżda ma jgħidx li għamilt xogħol għal kumpanija, kif jafu li għamilt, iżda li rċevejt flus. L-implikazzjoni hija ċara li qisni ingħatajt flus għalxejn jew suppost bħala kumpens ta’ transazzjoni ta’ miljuni kbar. Dan meta l-ħlas għax-xogħol li għamilt fuq medda ta’ xhur ma jqarreb xejn dawn l-ammonti. Imma min jaqra t-titlu ma jkunx jaf dan”, spjega Dr. Muscat.
Saħaq li x-xogħol li wettaq ma kienx relatat ma’ proġetti marbuta mal-Gvern Malti iżda kien mifrux ma’ pajjiżi differenti f’setturi differenti u li dan huwa dokumentat. Qal ukoll li ddikkjara kollox “mhux bħal xi whud li marru jiġru jipprovaw jirranġaw it-taxxa għaliex kienu deħlin fil-politika. Żgur m’ għamiltx ukoll bħal min l-ewwel innegozja f’isem il-Gvern fi proġetti kbar, imbagħad mar imexxi l-entita fuq in-naha l-oħra tal-mejda.”
Dr Joseph Muscat fisser kif hemm xi nies li ma huma se jaħfrulu qatt li għen biex iġib bidla fil-pajjiż.
“Jemmnu li lanqas li naħdem m’għandi dritt. Imma aktar ma jagħmluli aktar nibqa konvint kif dawn in-nies għadhom ma jistgħux joffru alternattiva għall-pajjiż.”