Ħsarat Kbar Għall-Bdiewa Mir-Riħ Qawwi Tal-Bieraħ

“Bħal ma jiġri dejjem meta jkun riħ qawwi ħafna, l-bdiewa jkunu l-aktar li jmorru ħażin…”
Hekk qalu l-Għaqda Bdiewa Attivi f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tagħhom, wara ġurnata ta’ riħ qawwi ħafna li ħakem lill-pajjiżna.
“Tmur torqod tkun taf x’għandek, tqum filgħodu u tmur tara kemm ġarrabt ħsara. U l-ebda insurance ma tkoprik,” tennew il-bdiewa. Dan wara diversi jiem ta’ xita li wkoll għamlet ħsara fl-għelieqi fil-jiem li għaddew.
L-Għaqda Bdiewa Attivi tennew is-sejħa lill-Gvern sabiex jara hemmx bażi għal kumpens għall-ħsarat imġarrba f’dawn il-jiem. Qalu wkoll li wasal iż-żmien sabiex tinstab soluzzjoni permanenti għal din il-problema.
“Ma jistax ikun li wara kull maltempata u wara kull riefnu li dejjem jiżdiedu minħabba t-tibdil fil-klima, jkollna mmorru nħabbtu l-bieb tal-Gvern għal-kumpens,” temmew jgħidu l-Għaqda Bdiewa Attivi fil-messaġġ tagħhom.