Id-DPM Chris Fearne Appella Biex Tinżamm Il-Kawtela – Ma’ Ġie Mħabbar L-Ebda Tibdil Fil-Miżuri Restrittivi

 Id-DPM Chris Fearne Appella Biex Tinżamm Il-Kawtela – Ma’ Ġie Mħabbar L-Ebda Tibdil Fil-Miżuri Restrittivi

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza llum wara nofsinhar qal li l-programm ta’ vaċċinazzjoni tal-booster kontra l-COVID-19 miexi sew u ħabbar li bdew jintbagħtu l-ittri ta’ appuntament lill-persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena. Huwa spjega li sal-aħħar ta’ Diċembru se jkunu vaċċinati l-persuni kollha ta’ dan il-grupp.

Ta rendikont tal-persuni mlaqqma sa issa bil-booster dose fejn diġà tlaqqmu 80% tal-persuni li għandhom ‘il fuq minn 70 sena u l-persuni immunosopressi li setgħu jieħdu t-tilqima f’dan il-perjodu. Huwa spjega li minn din il-ġimgħa bdew jitlaqqmu l-ħaddiema tal-qasam tas-saħħa u sa issa tlaqqmu 40% minnhom, u minn għada se jibdew jitlaqqmu wkoll il-ħaddiema tal-iskejjel.

Dwar l-attivitajiet tal-Milied, id-Deputat Prim Ministru appella lill-pubbliku biex tinżamm il-kawtela peress li n-numri ta’ każijiet ġodda tal-COVID-19 qegħdin jiżdiedu, madanakollu reġa’ stqarr li peress li r-rata għolja ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna qed iżżomm is-sitwazzjoni f’Mater Dei stabbli, mhumiex se jitħabbru miżuri restrittivi ġodda. Huwa ċċara li attivitajiet marbuta mal-Milied fl-iskejjel jistgħu jsiru jekk il-ġenituri li jattendu l-attivitajiet ikunu mlaqqma.

Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll li issa li tlaqqmu l-persuni l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà kontra l-influwenza, inklużi t-tfal, minn nhar it-Tnejn il-programm tal-vaċċinazzjoni se jinfetaħ għall-pubbliku inġenerali. Huwa fakkar li t-tilqima tal-influwenza qed tingħata bla ħlas miċ-ċentri tas-saħħa kollha madwar Malta u Għawdex u appella biex kulħadd jitlaqqam.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com