Il-Grawnd Tal-Futbol Ġdid Fin-Naxxar Se Jkun Qed Jinbena B’Investiment Ta’ €11-il Miljun

 Il-Grawnd Tal-Futbol Ġdid Fin-Naxxar Se Jkun Qed Jinbena B’Investiment Ta’ €11-il Miljun

Fil-kumpless edukattiv Giovanni Curmi Higher Secondary School fin-Naxxar se jinbena ground tal-futbol ġdid li se jikkumplimenta l-faċilitajiet sportivi eżistenti fil-cluster ta’ skejjel li hemm fin-Naxxar, prinċipalment, l-Iskola Medja fil-Kulleġġ Maria Reġina u l-Language Induction Hub, proġett ta’ €11-il miljun.

“Dan huwa proġett massiv li qed nidħlu għalih biex inkomplu ntejbu l-faċilitajiet sportivi u rikreattivi tal-iskejjel. Fil-ġimgħat li għaddew ħabbarna proġetti f’20 skola u llum qed inniedu dan il-proġett li se jgħolli bil-kbir il-livell tal-faċilitajiet sportivi għal dan il-cluster ta’ skejjel”, qalet il-Ministru Justyne Caruana meta dalgħodu tat dettalji dwar il-proġett.

Il-Ministru Caruana kompliet tgħid li għaddejja ħidma kbira fuq l-infrastruttura edukattiva, li permezz tagħha qed naraw mhux biss bini ta’ skejjel ġodda u tisbiħ ta’ oħrajn, imma wkoll li jitjiebu l-faċilitajiet sportivi u rikreattivi f’dawn l-iskejjel. “Qed naħdmu biex nagħtu prijorità ħalli nkomplu niġġieldu l-obeżità fit-tfal tagħna, u biex nagħmlu dan l-istudenti jrid ikollhom il-faċilitajiet adegwati”, kompliet tispjega l-Ministru Caruana.

Il-Ministru Caruana qalet li kif qed isir f’faċilitajiet oħrajn, dan huwa wkoll proġett komunitarju, għaliex il-ground tal-futbol se jkun jista’ jintuża wkoll mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskejjel, fosthom il-klabb tal-futbol ta’ Naxxar Lions.

Il-ground tal-futbol se jkun mifrux fuq 9,800 metru kwadru u se jinkludi pitch għal-logħob 11-a-side. Fil-ground se jkun hemm ukoll stand għall-ispettaturi. Il-kumpless se jinkludi wkoll bosta faċilitajiet oħrajn fosthom gymnasium, faċilitajiet sanitarji, showers u changing rooms.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada Neville Young spjega wkoll li taħt il-ground se jkun hemm parkeġġ għal madwar 500 karozza.

Preżenti għat-tnedija kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji Clifton Grima u wkoll il-Prinċipal u l-Kap tal-Kulleġġ, Partrick Decelis u Gaetano Calleja.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com