Il-Gvern Malti Ippremjat Għall-Ħidma Li Wettaq Biex Jassisti Vittmi Tal-Vjolenza Domestika

 Il-Gvern Malti Ippremjat Għall-Ħidma Li Wettaq Biex Jassisti Vittmi Tal-Vjolenza Domestika

Waqt ċerimonja f’Ruma organizzata mill-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, irrappreżentat mill-Ministru Byron Camilleri, ġie ppremjat mill-istess assemblea għall-ħidma li wettaq il-Gvern Malti biex jassisti vittmi tal-vjolenza domestika.

Għall-għoti tal-premju, l-Assemblea ħadet inkonsiderazzjoni l-miżuri kollha li ttieħdu mill-Gvern Malti fosthom bit-twaqqif ta’ taqsima speċjalizzata fil-Korp tal-Pulizija biex tiġġieled il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-introduzzjoni tal-kunċett silent reporting fuq l-app tal-112MT kif ukoll bit-twaqqif tal-Victim Support Agency li l-għan tagħha hu li tipprovdi għajnuna lill-vittmi tal-kriminalità fl-aktar mument vulnerabbli ta’ ħajjithom. Għaldaqstant, din il-ħidma ġiet rikonoxxuta fuq livell internazzjonali hekk kif Malta rebħet il-Premju tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran għas-sena 2021.

F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Byron Camilleri tenna s-sodisfazzjon tiegħu li l-impenn tal-pajjiż biex jiġġieled pjaga soċjali bħalma hi l-vjolenza domestika, qed jiġi rikonoxxut bi premju prestiġjuż. Huwa nnota li dan il-progress qed iwassal biex aktar vittmi qed jersqu’l quddiem u jirrappurtaw il-każ tagħhom, hekk kif bit-twaqqif ta’ taqsima speċjalizzata żdiedet il-fiduċja ta’ dawn il-vittmi fil-Korp tal-Pulizija. “Illum m’għadux iż-żmien li tħossok waħdek. Illum hawn min jisimgħek,” qal il-Ministru Camilleri li spjega kif il-Victim Support Agency hija xhieda ċara ta’ kif l-awtoritajiet qed jaħdmu biex joffru spalla lill-vittmi.

Il-Ministru Byron Camilleri tenna li dan il-premju ser iservi ta’ motivazzjoni għal aktar kisbiet filwaqt li afferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern li jkun ta’ spalla u ta’ għajnuna għall-vittmi biex dawn jingħataw l-appoġġ kollu neċessarju filwaqt li jagħti l-għodda kollha disponibbli biex ikun hawn aktar għarfien fuq is-suġġett.

Il-Ministru rrikonoxxa wkoll il-ħidma tal-Parlament Malti biex iwassal ħidmet l-Istat Malti fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Hu rringrazzja wkoll lill-membri parlamentari Maltin kollha fl-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran li apprezzaw l-isforzi li qed jittieħdu sabiex ikunu megħjuna iżjed vittmi, b’mod speċjali l-vittmi tal-vjolenza domestika.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com