“Il-Gvern Qed Jixxaħħaħ Mal-Pulizija B’Detriment Għas-Servizz U Kwalità Tal-Ħajja Tal-Korp” Il-PN
“Il-Korp tal-Pulizija bħalissa għaddej minn żmien ta’ inċertezza kbira. Deċiżjonijiet żbaljati qed iwasslu għal moral baxx fl-istess Korp bl-aqwa elementi jiddeċiedu li jitilqu mill-istess Korp mingħajr ma jiġu attirati nies ġodda lejn dan l-istess Korp.”
Hekk qal il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern, is-Sigurtá Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza, Beppe Fenech Adami fi stqarrija fejn tenna li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jixxaħħaħ mal-pulizija, dan wara li qata’ l-overtime u l-extra duty. “Dan filwaqt li jirrifjuta li jisma l-karba tal-Unions li jirrappreżentawhom, li b’mod sistematiku qegħdin jiġu totalment injorati,” saħaq Fenech Adami.
Huwa kompla jsostni li “evidentement il-politika tal-Gvern Laburista hija li jixxaħħaħ mal-Pulizija b’detriment għas-servizz u l-kwalitá tal-ħajja tal-istess membri tal-Korp billi iddeċieda li jabbanduna lilhom u l-familji tagħhom.”
Il-PN esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ kull membru tal-Korp vittma ta’ inġustizzji, filwaqt li temm jgħid li se jibqa’ kommess li jara li l-Pulizija ta’ pajjiżna mill-ġdid jingħataw l-istima li jixraqilhom.
Beppe Fenech Adami ikkonkluda l-istqarrija billi qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jikkommetti ruħu li l-politika ta’ xeħħa adottata mill-Gvern Laburista tintemm u dan sabiex mill-ġdid ikollna Korp bil-membri tiegħu kburin, b’moral għoli u fuq kollox rispettati.
Fi stqarrija oħra mill-Malta Police Union qalet li kienet qed issegwi mill-viċin u b’attenzjoni s-sitwazzjoni preżenti fil-Korp tal-Pulizija. L-MPU saħqet li l-membri tal-korp jinsabu “f’sitwazzjoni ta’ diżappunt, demotivazzjoni u b’mod speċjali inċertezza kbira fost il-membri kollha tal-Korp. Sitwazzjoni li qiegħda taffetwa sew il-benesseri mentali tal-Uffiċjali tal-Pulizija u l-familjari tagħhom.”
Il-MPU sostnew li din is-sitwazzjoni hi frott diversi deċiżjonijiet li saru b’nuqqas ta’ konsultazzjoni minn persuni b’nuqqas ta’ esperjenza f’dak li hu xogħol u esiġenzi reali tal-Korp tal-Pulizija.