Il-Kummissarju Għall-Istandards Ma Jsib L-Ebda Ksur Ta’ Etika Minn Karol Aquilina Dwar Il-Każ Ta’ Sewqan Perikoluż
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler, ħeles lid-Deputat Karol Aquilina minn akkużi li ġab ruħu b’mod li jirrifletti ħażin fuq il-Parlament billi saq b’mod perikoluż, injora ordnijiet tal-pulizija, u baqa’ għaddej fuq dawl tat-traffiku aħmar.
Fi stqarrija ntqal li l-Kummissarju għall-Istandards wasal għal din il-konklużjoni wara li Aquilina ġie liberat minn akkużi fil-qorti dwar l-istess każ.
Il-każ seħħ f’Ġunju 2019 meta id-Deputat Karol Aquilina kien qed isuq lejn il-Parlament u daħal bejn żewġ karozzi li kienu qed jiġu skortati mill-pulizija. Waqt dan l-inċident ittieħed filmat li verżjoni editjata tiegħu ixxandret mill-preżentatur Karl Stagno Navarra fuq il-programm televiżiv tiegħu “Pjazza” f’Mejju 2020.
Ftit wara li xandar il-filmat, Stagno Navarra rrapporta l-każ lill-Kummissarju għall-Istandards u lill-pulizija. Persuna oħra kienet għamlet ilment mal-Kummissarju għall-Istandards dwar l-istess każ wara li rat il-programm.
Dr George Hyzler qal li ladarba l-pulizija bdiet tinvestiga l-każ, huwa kellu jissospendi l-investigazzjoni tiegħu peress li l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika ma jħallihx jinvestiga każ fl-istess waqt li dan ikun qed jiġi investigat mill-pulizija.
L-investigazzjoni tal-pulizija wasslet biex Karol Aquilina jittella’ l-Qorti fuq akkużi ta’ sewqan traskurat u bla kont. Fid-29 ta’ Settembru 2021 il-Qorti lliberat lill-Onor. Aquilina u qalet li l-akkużi kontra tiegħu “assolutament ma jirriżultawx”.
Hekk kif intemmew l-proċeduri legali, il-Kummissarju għall-Istandards seta’ jkompli jikkunsidra l-każ.
Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti l-Kummissarju kkonkluda li ma kien hemm ebda ksur ta’ etika u għalhekk ma laqax l-ilmenti.