“Il-Ministru Byron Camilleri Għandu Jispjega U Jerfa’ Responsabiltà Politika” – Il-PN
“L-istorja ppubblikata minn The Sunday Times ilbieraħ, u l-kummenti ta’ Peppi Azzopardi jitolbu illi b’mod immedjat il-Ministru Byron Camilleri jispjega u jerfa’ responsabiltà politika għal dak li seħħ u għadu jseħħ fil-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin sa llum.”
Hekk qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija hekk kif ilbieraħ filgħodu ġie żvelat kif ‘scanner’ li jemitti radjazzjoni ġewwa l-Facilita’ ġiet imbagħbsa u mmanipulata mill-Awtoritajiet tal-Ħabs bil-konsegwenza li diversi detenuti, il-familji tagħhom u avukati setgħu ġew esposti għal livell għoli ta’ radjazzjoni meta kien magħruf li tali radjazzjoni kienet ta’ detriment kbir għas-saħħa tagħhom.
Il-PN saħaq li l-Ministru Byron Camilleri jrid immedjatament jispjega jekk, u meta sar jaf, b’dan l-abbuż kriminali li kien qed iseħħ ġewwa l-Faċilita’.
“Byron Camilleri irid iwieġeb għaliex minkejja l-istejjer xokkanti waħda wara l-oħra, inkluż il-mewt ta’ 14-il persuna fil-ħabs, għadu sa issa jiddefendi l-ħażin kollu li seħħ taħt għajnejh u li sar bil-barka tiegħu. Is-sistema tad-detenzjoni u riforma kkrolla taħt għajnejn l-istess Ministru bil-konsegwenza illi t-tajjeb kollu li sar tul iż-żmien, illum spiċċa fix-xejn. Sa llum għadu lanqas keċċa lill-eks direttur tal-ħabs Alex Dalli li minflok issospenda lilu nnifsu,” tenna l-PN fl-istqarrija.
“Għal dan kollu trid tintrefa’ responsabiltà’ politika” saħaq il-PN filwaqt li ntqal li l-Ministru Byron Camilleri għandu jew jirriżenja jew jitkeċċa mill-Prim Ministru Robert Abela.
Il-PN temm jgħid li huma l-ftit li bil-barka tal-istess Ministru ħolqu dan il-kollass u l-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-uffiċċjali onesti u ħabrieka tal-ħabs li minkejja t-theddid u l-biża li jippruvaw inisslu fihom, għadhom jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni.