Il-Ministru Evarist Bartolo Jesprimi L-Appoġġ Sħiħ Ta’ Malta Għall-Unjoni Tal-Mediterran
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo esprima l-appoġġ sħiħ ta’ Malta għall-ħidma tal-Unjoni tal-Mediterran bħala l-unika struttura reġjonali li tindirizza sfidi komuni fil-Mediterran, u li ġġib lil partijiet mix-xtut kollha flimkien. Il-Ministru Bartolo attenda għas-sitt forum reġjonali tal-Mediterran imtella’ mill-Unjoni għall-Mediterran (UfM) f’Barċellona. Dan il-forum laqqa’ t-42 membru tal-UfM, li 27 minnhom huma l-membri stati Ewropej, u li l-15 l-oħra huma pajjiżi tal-Balkani, tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.
Il-Ministru Bartolo qal li, filwaqt li lkoll ġejjin mill-istess żona ġeografika, għandna sistemi politiċi u soċjo-ekonomiċi distinti f’dawn l-isferi. Il-qasmiet politiċi f’dan ir-reġjun jagħmluna dgħajfa biex nindirizzaw problemi komuni.
“Nafu li l-bidla fil-klima, l-inugwaljanzi, l-iżbilanċ demografiku, il-kunflitti, l-immigrazzjoni u n-nuqqas ta’ riżorsi naturali huma l-problemi li jaffaċċja dan ir-reġjun. Għandna bosta rapporti li joffru soluzzjonijiet għal dawn il-problemi, iżda ninsabu f’qagħda ferm dgħajfa meta niġu biex noffru tmexxija reġjonali kif jixraq u kordinata fir-reġjun.”
Il-Ministru Bartolo qal li jeħtieġ nindirizzaw ukoll “it-temperaturi għoljin u l-virus” li jeżistu fid-dinja politika tal-lum. “Għandna wisq qasmiet u polarizzazzjoni fil-preżent. Neħtieġu d-djalogu u l-koperazzjoni biex negħlbu dan il-‘virus’ ta’ tilwim’, permezz ta’ laqgħat li jsiru b’onestà, mingħajr użu ta’ maskri u distanza soċjali. Neħtieġu governanza reġjonali li tindirizza l-isfidi tal-Mediterran b’mod sħiħ. L-Unjoni tal-Mediterran jeħtieġ li tingħata l-irwol li twettaq dan, mhux biex din tikkompeti mal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana, iżda biex tikkomplimenta u tikkordina t-twettiq tal-politika li neħtieġu nindirizzaw biex negħlbu l-isfidi.”
L-Unjoni tal-Mediterran tkopri ħidma f’sitt oqsma prinċipali marbuta man-negozju u x-xogħol; l-edukazzjoni; l-affarijiet soċjali u ċivili; l-enerġija u ħidma dwar il-klima; it-trasport u l-iżvilupp urban; l-ilma, l-ambjent u l-ekonomija l-blu (dwar l-użu sostenibbli tal-baħar għat-turiżmu, il-kummerċ u s-sajd). Malta wkoll tagħti sehemha fil-UfM, hekk kif l-Ambaxxatur Dr John Paul Grech iservi bħala d-Deputat Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Soċjali u Ċivili, u bosta huma l-entitajiet pubbliċi Maltin li jipparteċipaw fi proġetti varji.
Tul din il-laqgħa, intervjenew bosta Ministri tal-Affarijiet Barranin, li wkoll saħqu dwar l-importanza li r-rakkomandazzjonijiet jeħtieġ li jkunu trasformati f’ħidma konkreta li diġà twettaq l-UfM u li hemm bżonn tkompli tissaħħaħ għall-benefiċċju tal-popli tal-Mediterran. Tul din il-laqgħa, il-Ministru Bartolo kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Christopher Cutajar.
Ritratti: DOI