Il-MP Rosianne Cutajar Tressaq Ilment Dwar Ksur Ta’ Privileġġ Kontra Jason Azzopardi

Il-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar dalgħodu ressqet ilment dwar ksur ta’ privileġġ kontra d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Dan wara li nhar is-Sibt fuq il-mezzi soċjali tiegħu, Azzopardi qal li nhar it-12 ta’ Novembru 2018 Cutajar użat lingwaġġ vulgari fil-konfront tiegħu waqt dibattitu Parlamentari.
Rosianne Cutajar saħqet li hi qatt ma użat dan il-lingwaġġ la ma’ Jason Azzopardi u lanqas ma’ ebda Membru Parlamentari ieħor.
“Jien mhux daqshekk baxxa. Ma nużax lingwa bħal din fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, aħseb u ara fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna,” qalet Cutajar.
Jason Azzopardi fil-kitba tiegħu qal li dan il-kliem ntqal dak in-nhar meta Yorgen Fenech kien sar magħruf li huwa sid 17 Black.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia għandu jiddeċiedi dwar dan l-ilment u jiddetermina jekk kienx hemm ksur ta’ privileġġ.