“Il-PM Għandu Minnufih Iwaqqaf Il-Ħlasijiet lil Vitals U Jara Li L-Poplu Jieħu Lura L-Flus Li Nsterqulu” – Bernard Grech

 “Il-PM Għandu Minnufih Iwaqqaf Il-Ħlasijiet lil Vitals U Jara Li L-Poplu Jieħu Lura L-Flus Li Nsterqulu”  – Bernard Grech

“Il-ħmar iwaħħal f’denbu. Hekk qed jagħmel Robert Abela fuq il-kuntratt li l-Gvern tiegħu ta lil Vitals.”

Hekk għadu kemm kiteb il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fuq il-mezzi soċjali tiegħu dwar il-kwistjoni tal-isptarijiet u l-kuntratt tal-Vitals.

Il-Kap tal-PN qal li “Robert Abela jaħseb li jista’ jgħaddi ż-żmien bin-nies meta joqgħod taparsi jbeżża bil-penalitajiet jekk ma jonorawx il-kuntratt meta jaf li dawn diġà qed jiksru l-obbligi kuntrattwali tagħhom.”

“Għax jaqbillu illum qed jgħid li ma jafx bil-€100,000,000 penali tal-Vitals meta hu kien il-konsulent tal-Prim Ministru li awtorizza dawn il-penali,” saħaq Bernard Grech, filwaqt li qal li sadanittant qed jibqa’ jwebbes rasu u se jagħtihom €69 miljun is-sena d-dieħla għal servizz mhux denju u xogħolijiet fantażma.

Grech sostna li l-PM Robert Abela għandu minnufih iwaqqaf dawn il-ħlasijiet għal kuntratt ivvizzjat u immedjatament jara li l-poplu jieħu lura l-flus li nsterqulu.

“Dan hu dak li qed nagħmlu diġà mill-Oppożizzjoni,” temm jgħid Bernard Grech.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com