Il-PN Jitlob Lill-Awtorità Tal-Ippjanar Tirtira Mid-Deċiżjoni Li Ħadet Dwar Il-Lista Ta’ Oġġezzjonijiet
Fi stqarrija dwar l-aħħar deċiżjoni li ttieħdet mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima Robert Cutajar qal li din hija inaċċettabbli li l-Awtorità tal-Ippjanar mhux ħa tkun qed tippubblika l-lista ta’ oġġezzjonijiet mressqa mill-pubbliku u għaqdiet ambjentali għall-proġetti ta’ żvilupp.
“Din hija ħolqa f’katina twila ta’ azzjonijiet li l-gvern u l-awtoritajiet tiegħu, bi stil dittatorjali, ħadu tul l-aħħar snin fejn it-trasparenza, il-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni ġew mhedda,” qal Robert Cutajar f’isem il-PN.
Cutajar qal li l-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia ma’ jistax jittieħed bis-serjetà meta jgħid li hu ma kienx infurmat b’din id-deċiżjoni. “Dan għaliex kien l-istess Ministru u d-deputati sħabu fuq in-naħa tal-gvern, li ftit xhur ilu ivvuttaw fil-Parlament kontra liġi mressqa mill-Oppożizzjoni li kienet se tfisser aktar trasparenza u parteċipazzjoni waqt il-laqgħat tal-ERA, liema liġi kienet appoġġjata minn numru ta’ għaqdiet ambjentali,” saħaq Il-Kelliem tal-PN.
Robert Cutajar tenna li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti garanzija li filwaqt li l-ambjent jingħata l-attenzjoni u l-prijorità li jixraqlu, jara li f’dan il-qasam terġa’ tibda tirrenja governanza tajba b’konsultazzjoni u parteċipazzjoni serja mas-soċjetà ċivili li tinkludi lill-pubbliku in ġenerali u l-għaqdiet ambjentali fost l-oħrajn.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li qed titlob lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tirtira din id-deċiżjoni b’mod immedjat.