Il-PN Jressaq Protest Ġudizzjarju Kontra L-Gvern Dwar Il-Kuntratt Ma’ Vitals
“Qed inressqu protest ġudizzjarju biex il-qorti tieħu nota tar-responsabbiltà diretta ta’ dawk kollha li ser jeżerċitaw poter pubbliku għall-objettiv illegali li jitkompla l-kuntratt tal-vitals. B’dan il-protest ġudizzjarju qed inżommu wkoll li dawk kollha parteċipi f’dan l-abbuż u l-illegalità responsabbli għad-danni kollha li qed isofri l-poplu malti b’konsegwenza ta’ dan il-kuntratt.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni ta’ konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mad-deputat Nazzjonalista Adrian Delia u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino.
“Il-kuntratt tal-Vitals sar bi ksur tal-liġi u ġie meqjus mill-istat stess li ma jagħtix valur għall-flus liċ-ċittadini Maltin. Għaldaqstant dan għandu jintemm minnufih u m’għandhomx jiġu allokati aktar miljuni għal dan il-kuntratt,” saħaq il-Kap tal-PN Bernard Grech.
Il-Kelliema tal-PN qalu li “wara li ħareġ biċ-ċar fir-rapport tal-awditur ġenerali li l-kuntratt tal-vitals ma jagħtix valur għall-flus, f’dan il-baġit il-gvern qed jerġa jitfa’ 69 miljun ewro fis-sena fuq kuntratt li l-Awditur Ġenerali stess qed jgħidilna li sar bi ksur tal-liġi.”
Il-PN saħaq li “jekk ikompli jitfa l-flus fuq kuntratt illegali mela l-membri kollha tal-gvern qed jirrendu ruħhom kompliċi fis-serq u l-illegalità a spejjez tal-poplu Malti.”
Ntqal ukoll li l-gvern stess jaf li għandu problema, “tant hu hekk li aħna nafu li minn wara l-kwinti qed jieħu l-pariri kif jista’ jwaqqaf dan il-kuntratt jew kif jista’ jinħall minnu. Huwa ċar iżda li n-nuqqas ta azzjoni qed tiswina l-miljuni u qed tiswa lil dawk kollha li jagħmlu użu minn dawn l-isptarijiet għax is-servizz qed jitpoġġa wara l-profitt.”
Il-Kelliema tal-PN temmew jgħidu li għal darb’oħra il-PN qed jibqa’ tarka taċ-ċittadin. “Din hija l-vokazzjoni tal-Partit Nazzjonalista: partit tan-nies, partit li jaqbeż għan-nies, partit li lest jaffronta l-poter u l-abbuż biex jara li inti tieħu dak li ħaqqek.”