Il-PN Qed Iwiegħed Li Jniedi Sensiela Ta’ Skemi Għal Min Ġarrab Inġustizzja Minn Entità Tal-Gvern Li Kienu Jaħdmu Magħha

 Il-PN Qed Iwiegħed Li Jniedi Sensiela Ta’ Skemi Għal Min Ġarrab Inġustizzja Minn Entità Tal-Gvern Li Kienu Jaħdmu Magħha

“Dak li l-gvernijiet tal-passat u l-gvern tal-lum jistgħu jew setgħu jagħmluh aħjar, irridu nagħmluh aħna. Il-Partit Nazzjonalista b’dal-messaġġ pożittiv tal-lum qed juri li bħala Partit qed nagħtu widen u attenzjoni sinċiera lill-messaġġ tan-nies. Qed juri li aħna qed nagħtu kas u jimpurtana mit-tħassib u mill-preokkupazzjonijiet tan-nies li qed jaqsmu magħna fiż-żjarat ta’ kuljum fid-djar, fil-laqgħat u fl-attivitajiet soċjali.”

Hekk qal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata flimkien mal-President tas-Solidarjetà Ħaddiema PN u kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ivan Castillo.

Waqt il-konferenza ntqal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed iniedi sensiela ta’ skemi mmirati apposta għal dawk il-persuni li ġarrbu xi tip ta’ inġustizzja minn entità tal-gvern li kienu jaħdmu magħha, b’mod partikolari għal dawk il-persuni li minħabba raġunijiet inġusti tilfu xi għamla ta’ pagament ex gratia minn entità tal-gvern, jew saħansitra tilfu sors ewlieni ta’ pensjoni għall-bqija ta’ ħajjithom minħabba bidliet fl-entitajiet tal-gvern matul is-snin.

Il-Kelliema tal-PN saħqu li biex jaċċerta li dan ma jiġri qatt iżjed, gvern ġdid Nazzjonalista jħejji wkoll titjib leġiżlattiv ħalli l-ebda gvern futur ma jerġa’ joħloq xi inġustizzja simili fil-konfront tal-ħaddiema tal-entitajiet governattivi.

“Dawn il-każijiet jinkludu eks ħaddiema tal-Airmalta, Telemalta, Malta Casino u oħrajn. Barra minn hekk, qed inwiegħdu wkoll li jekk il-Labour jibqa’ ma jwettaqx il-wegħda mħabbra fl-aħħar baġit b’rabta mal-eks ħaddiema tax-xatt u mal-eks ħaddiema tal-Gas Board u tal-Electricity Board, gvern ġdid Nazzjonalista hu kommess li jwettaqha hu,” tennew David Agius u Ivan Castillo.

Huma temmew jgħidu li din il-wiegħda tal-lum turi r-ruħ soċjali li tant qed jisħaq fuqha l-Partit Nazzjonalista u li fuqha se nkunu qed insejsu wkoll il-bidla b’viżjoni li jrid il-Partit Nazzjonalista għal Malta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com