Il-Premier League Malti Ħa Jkun Qed Jerġa’ Jintroduċi L-Logħob Tal-Futbol Il-Ħadd Filgħodu
Huma bosta dawk li jiftakru b’nostalġija l-football milgħub filgħodu. Dawn il-logħbiet milgħuba fi stadia bħall-Empire Stadium tal-Gżira, Pace Grasso ta’ Raħal Ġdid u riċentement anke fl-istadium taċ-Ċentinarju, kienu jimlew in-nofstanhar ta’ filgħodu tal-ġurnata tal-Ħadd.
Meta titkellem ma’ nies li ilhom isegwu l-football, bosta jsemmu li wara li jisimgħu l-quddies tal-Ħadd filgħodu jerħulha lejn l-Istadium biex jaraw il-benjamini tagħhom u kif tispiċċa l-logħba jmorru lura d-dar biex jieklu mal-familja. Il-logħba ta’ filgħodu kienet assoċjata mat-timijiet ta’ diviżjonijiet inferjuri u mhux l-ewwel darba jew tnejn li l-inkejja tal-partitarji kienet tinkludi l-kant ta’ ‘għal filgħodu’ diretta lejn dawk it-timijiet li jkunu fil-faxxa ta’ isfel tal-klassifika.
Fl-aħħar żewġ staġuni wara nuqqas ta’ bosta snin, l-Assoċjazzjoni introduċiet il-logħba ta’ filgħodu fid-diviżjonijiet inferjuri tal-kampjonat nazzjonali u minn dan l-istaġun se tintroduċi wkoll f’ħin ġdid, għal-logħbiet mill-Kampjonat Premier, hekk kif sar ukoll f’numru ta’ kampjonati oħra fl-Ewropa matul l-aħħar snin fejn bdew jilgħabu f’ħin l-ikel. Għalhekk waħda mil-logħbiet se tibda tkun il-Ħadd, fil-11.30 ta’ filgħodu. Fil-fatt nhar il-Ħadd li ġej fit-Tony Bezzina Stadium wieħed jista’ jassisti għal-logħba mill-Kampjonat BOV Premier bejn Santa Lucia u Birkirkara. Din se tkun l-ewwel darba mill-Gwerra lil hawn li logħba tal-ogħla diviżjoni ġiet skedata għal filgħodu, jekk inħallu barra l-logħba meta fl-1989, Sliema Wanderers lagħbu l-aħħar logħba tal-kampjonat u ngħataw it-tazza tac-Champions filgħodu.