Il-President U S-Sinjura Vella Jżuru L-Pazjenti Maltin U L-Qraba Tagħhom F’Londra
Il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella temmew iż-żjara tagħhom f’Londra, fejn iltaqgħu mal-pazjenti Maltin li bħalissa qed jingħataw il-kura f’Londra.
Fil-preżent, hemm 25 pazjent Malti li qed jingħataw il-kura fi sptarijiet varji f’Londra.
Il-President u s-Sinjura Vella żaru l-appartamenti ta’ Puttinu f’Sutton, kif ukoll ir-residenzi tas-Sorijiet Franġiskani u dawk Agostinjani.
Kemm il-pazjenti kif ukoll il-familjari tagħhom esprimew kliem ta’ apprezzament għaż-żjara tal-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella u għall-għajnuna u l-appoġġ li jingħataw minn The Malta Community Chest Fund Foundation. Din l-għajnuna tikkonsisti f’dik finanzjarja biex jitħallsu l-vjaġġi, l-akkomodazzjoni, u anke l-ħlas ta’ bżonnijiet bażiċi tal-familjari għall-perjodu ta’ żmien li fih il-pazjenti jkunu f’Londra.
Min-naħa tiegħu, il-President George Vella fisser din iż-żjara bħala waħda b’bosta emozzjonijiet u stqarr li f’isem il-poplu Malti, japprezza l-ħidma li ssir minn The Malta Community Chest Fund Foundation flimkien mal-ħaddiema u s-sorijiet f’dawn ir-residenzi f’Londra.
Minbarra dan, il-President iltaqa’ wkoll ma’ diversi konsulenti Maltin li jaħdmu f’Londra li, permezz tal-impenn tagħhom, il-pazjenti Maltin jingħataw l-aqwa kura possibbli u tama għall-fejqan.
Il-President Vella żied jgħid li żjara bħal din issir fuq kollox bl-għan li l-pazjenti jagħrfu li mhumiex minsijin u lanqas waħedhom.