Il-Pulizija Tarresta Żewġ Persuni B’Rabta Ma’ Traffikar Ta’ Droga
Wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonjiet mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, żewġ persuni ġew arrestati b’rabta ma’ sejba ta’ aktar minn 4 kilo droga suspettata kokaina u kannabis.
Ilbieraħ filgħodu, il-Pulizija ċċirkondaw raġel ta’ 55 sena residenti San Ġwann hekk kif kien dieħel f’appartament f’Buġibba. Fil-pussess tiegħu kellu kaxxa u fiha kien hemm madwar kilo droga suspettata kokaina b’valur fit-triq li jaqbeż il-€130,000.
Il-Pulizija arrestat ukoll tfajla ta’ 25 sena li tgħix fl-appartament u fi tfittxija li saret instabu madwar 3 kilossuspettati raża tal-kannabis, b’valur ta’ madwar €60,000. Aktar tard saret ukoll tfittxija fir-residenza tar-raġel f’San Ġwann, bil-Pulizija ssib madwar 300 gramma oħra droga suspettata ħaxixa tal-cannabis.
Iz-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti akkużati fost oħrajn bi traffikar u pussess aggravat ta’ droga, kif ukoll b’ħasil ta’ flus, għal ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli.