Imfakkar Il-Jum Ewropew Kontra L-Abbuż Fuq It-Tfal

 Imfakkar Il-Jum Ewropew Kontra L-Abbuż Fuq It-Tfal

Malta, bħall-kumplament tal-Ewropa, fakkret il-ġurnata Ewropea kontra l-esplojtazzjoni u l-abbuż sesswali fuq it-tfal. F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Iskola Primarja tan-Naxxar, tqassmu kotba għal tfal ta’ 7 snin bl-isem ta’ Kiko u l-Ħafnajien, li l-għan ewlieni tagħhom hu li joħolqu aktar għarfien dwar x’imġiba u x’attitudni hija aċċettabbli u dik li mhix fil-konfront ta’ tfal f’etajiet teneri.

Il-Ministru Michael Falzon, flimkien mal-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli, żaru, tkellmu u qassmu dawn il-kotba lit-tfal f’din l-iskola. Dawn il-kotba se jkunu qed jitqassmu fost it-tfal kollha li għandhom 7 snin f’Malta u f’Għawdex.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar l-importanza ta’ aktar edukazzjoni dwar is-suġġett sa minn etajiet żgħar, sabiex ikun żgurat il-ħarsien tat-tfal minn kull aspett negattiv li jistgħu jiltaqgħu miegħu. Hawnhekk enfasizza dwar kemm huwa importanti li qatt ma jkun hemm abbuż fuq it-tfal, speċjalment  mis-circle of trust li t-tfal ikunu fih.

“Proprju din is-sena daħħalna fis-seħħ bidliet legali biex insaħħu l-ġlieda kontra kull xorta ta’ abbuż fuq it-tfal. Fil-fatt, issa, permezz ta’ dan it-tibdil, il-preskrizzjoni marbuta ma’ abbuż sesswali fuq minuri saret ekwivalenti għal dak marbut ma’ omiċidju volontarju. Dan l-att ġie emendat sabiex jagħti aktar serjetà dawk il-każijiet marbuta ma’ reati sesswali u ma’ affarijiet li jirrigwardaw persuni minorenni”, qal il-ministru.

Il-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli qalet li l-irwol tagħha hu li toħloq aktar kuxjenza dwar id-drittijiet tat-tfal permezz ta’ aktar ħarsien, provediment u parteċipazzjoni tat-tfal stess meta d-deċiżjonijiet jirrigwardaw lilhom direttament. Il-Kummisarju tat-Tfal tagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet regolari lill-gvern bil-għan li jkun hemm is-salvagwardji kollha li jħarsu lit-tfal minn kull forma ta’ abbuż.

Il-Kap tal-Iskola Primarja tan-Naxxar Renzo Galea tkellem dwar realtajiet bħall-midja soċjali, fejn it-tfal huma kontinwament esposti għall-perikli marbuta ma’ esplojtazzjoni u kull forma ta’ abbuż sesswali ieħor onlajn. Għalhekk hemm bżonn ta’ aktar koordinament u komunikazzjoni bejn it-tfal, il-ġenituri u anke l-għalliema biex ikunu mgħarrfa każijiet bħal dawn.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com