Imħabbar Proġett Ta’ Tisbiħ Estensiv Fl-Iskola Tal-Għarb B’Investiment Ta’ €3 Miljun
Tħabbar proġett ta’ infrastruttura edukattiva, b’investiment ta’ €3 miljun li permezz tiegħu se jgawdu l-istudenti u l-edukaturi fl-iskola tal-Għarb, Għawdex. Il-proġett se jara li l-istudenti u l-edukaturi f’din l-iskola jkollhom ukoll ambjent adekwat biex jieħdu u jagħtu t-taħlim tagħhom.
“Kif tħabbar fil-Baġit, il-Ministeru għall-Edukazzjoni huwa impenjat bis-sħiħ biex itejjeb is-setturi kollha li flimkien huma s-sinsla tal-edukazzjoni ta’ uliedna, inkluża l-infrastruttuta edukattiva. L-investiment li qegħdin nagħmlu fl-infrastruttura edukattiva ta’ pajjiżna huwa investiment bla preċedent ta’ madwar €150 miljun li €50 miljun huwa f’Għawdex”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.
Fil-gżira Għawdxija qed isir investiment fit-tisbiħ ta’ diversi skejjel eżistenti fil-livell primarju. Apparti l-bini ta’ skola primarja ġdida fir-Rabat u l-proġett tal-middle school, hemm proġetti fl-iskejjel primarji tan-Nadur, ta’ Kerċem u taż-Żebbuġ, filwaqt li fl-iskola primarja f’Ta’ Sannat se tinbena sensory-hydro-therapy pool. F’din l-iskola jattendu tfal u studenti adulti żgħar bi ħtiġijiet edukattivi individwali.
Il-proġett tal-Għarb jinvolvi t-tisbiħ estensiv tal-iskola primarja eżistenti u huwa maħsub biex ikun hemm spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi għal uliedna u għall-edukaturi. Din l-iskola li hija mibnija fuq sular wieħed, u li ilha inawgurata mill-1961, se tingħata dehra kompletament ġdida fuq ġewwa u fuq barra. Dan se jsir b’disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi kif ukoll bil-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti extrakurrikulari.
Permezz tal-proġett se tkun indirizzata l-aċċessibbiltà fil-binja biex tkun skont il-liġi. Dan qed isir f’kull proġett li qed isir fl-iskejjel. L-iskola se jkollha wkoll għamara ġdida li tħeġġeġ aktar l-inklużjoni fit-tagħlim.
Fil-proġetti kollha, inkluż fl-Għarb, l-ambjent huwa prijorità, tant li f’din il-binja se jkunu introdotti miżuri effiċjenti fl-enerġija skont kif mitlub mil-liġi.
Biex ix-xogħol isir b’ritmu mgħaġġel u ma jkunux ipperikolati t-tfal u l-edukaturi, sakemm isir ix-xogħol, it-tagħlim se jingħata fi klassijiet temporanji fl-istess post ta’ din l-iskola, biex it-tfal jibqgħu jitgħallmu fl-ambjent tal-iskola tagħhom li huma mdorrijin fih.
Għat-tħabbira ta’ dan il-proġett kienu preżenti l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, li għandha l-proġett f’idejha, Neville Young, il-kap tal-iskola Marthese Attard u s-Sindku tal-Għarb, David Apap.
Ritratti: DOI