Imnedija L-Ewwel Strateġija Nazzjonali Dwar L-Awtiżmu
L-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar l-Awtiżmu tnediet mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja. L-istrateġija, li kienet wegħda elettorali, tinkludi seba’ kapitli u hi riżultat ta’ proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa li sar f’April li għadda mill-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu. Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli ddeskriviet din l-istrateġija bħala waħda li għandha sservi ta’ kumpass biex tiggwida lis-soċjetà tagħna dwar kif pajjiżna jistà joffri ambjent aqwa għal persuni bl-awtiżmu.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li tinsab sodisfatta għaliex dan id-dokument huwa riżultat ta’ ħidma mifruxa tul dawn l-aħħar xhur li rat ammont sostanzjali tal-pajjiż jingħaqad flimkien. “Meta f’April li għadda, ix-xahar iddedikat għall-awtiżmu, varajna l-konsultazzjoni pubblika, tlabna l-appoġġ tal-istakeholders kollha. Ir-rispons kien wieħed rekord ta’ 186 entità u individwi li jvarjaw minn professjonisti għal akkademiċi għal entitajiet varji, NGOs u fuq kollox persuni bil-kundizzjoni tal-awtiżmu nfushom,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
“Għandna strateġija unika għax, meta mqabbla ma’ ta’ pajjiżi oħrajn, issib li dik ta’ pajjiżna tkopri lill-persuni fuq il-firxa wiesgħa tal-awtiżmu tul ħajjithom kollha. Ma tħarisx biss lejn l-aspett mediku, bħal per eżempju dik Spanjola. Ma tħarisx biss lejn l-adulti, bħal dik Ingliża u ta’ Wales, jew lejn it-tfal biss. L-Istrateġija nazzjonali tagħna tkopri ukoll l-awtiżmu u l-anzjanità,” żiedet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.
Is-seba’ kapitli li jiffurmaw l-istrateġija jvarjaw minn dijanjożi bikrija sa edukazzjoni, impjiegi, l-awtiżmu fl-adulti u l-attiviżmu, self-advocacy minn persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu nfushom u s-sensibilizzazzjoni.
Min-naħa tiegħu, Dr Alistair de Gaetano, Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, irrimarka li kien kuntent li kien qed jara l-istrateġija titnieda formalment, wara snin ta’ ħidma f’dan ir-rigward. Hu enfasizza li l-istrateġija kienet imfassla b’tali mod li tkun dokument sempliċi u faċli għall-utent, li kien ibbażat fuq ir-realtajiet fis-soċjetà Maltija, u li jiġbor fih azzjonijiet speċifiċi maħsuba biex jindirizzaw dawn ir-realtajiet. Hu spjega li l-partijiet interessati msemmija fid-dokument issa se jkunu involuti fi sforzi rilevanti ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ matul is-snin li ġejjin, wara li l-Kunsill ikun fassal pjan ta’ implimentazzjoni speċifiku fir-rigward tal-azzjonijiet differenti fl-istrateġija.
Id-diskors tal-għeluq tal-attività sar mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella. Hu qal li din l-istrateġija wriet b’mod ċar il-pożittività li biha qed jitmexxa ’l quddiem dan is-settur. Dan anke wara numru sostanzjali ta’ kummenti li ġew sottomessi waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika sabiex wasalna għall-abbozz finali ta’ din l-istrateġija. Apparti minn hekk, din l-istrateġija qed turi sens ċar ta’ koperazzjoni bejn setturi differenti sabiex il-persuni b’diżabilità jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma fil-qasam tal-inklużjoni f’pajjiżna.
Il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, li kien twaqqaf fis-sena 2018, jirrappreżenta firxa wiesgħa ta’ esperti u attivisti, rappreżentanti ta’ Ministeri, u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, li jinkludu persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu nfushom. Iċ-Chairperson tal-Kunsill Dr Alistair de Gaetano huwa wkoll persuna fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu.