Inawgurat Il-Bini Mill-Ġdid Ta’ Triq Għeriexem U Tal-Promenade Fir-Rabat

 Inawgurat Il-Bini Mill-Ġdid Ta’ Triq Għeriexem U Tal-Promenade Fir-Rabat

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura l-bini mill-ġdid ta’ Triq Għeriexem u tal-promenade tagħha li se toħloq rotta pedonali aktar sigura bejn l-Imdina, ir-Rabat u l-Imtarfa.

Il-Ministru Ian Borg semma li l-ġurnata tal-bieraħ hi tant importanti għar-Rabtin hekk kif din it-triq, li hi sinonima mal-komunità Rabtija u li għal snin sħaħ kienet tħalliet fi stat ta’ kollass, illum qed tingħata mill-ġdid lil dawn ir-residenti b’infrastruttura sigura u tal-ogħla kwalità.

“Aħna dħalna fiż-żarbun ta’ dawn ir-residenti, ħassejna li bdew iħossu huma u dħalna għal din l-isfida. Però morna pass ieħor ’il quddiem fejn rajna li ninkorporaw ċerti kunċetti li huma ġodda għal pajjiżna bħalma huma s-solar footpaths fejn ħassejna li bix-xieraq nintroduċuhom f’din it-triq. Saret ħidma estensiva u llum il-ġurnata din it-triq issa tinkludi wkoll madwar 90 spazju ta’ parkeġġ addizzjonali, stazzjon tal-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi, l-ewwel mogħdijiet solari f’Malta u infrastruttura aktar ħadranija permezz ta’ 40 siġra ġdida u bosta pjanti oħra. Nixtieq minn qalbi nirringrazzja lill-aġenzija Infrastru​cture Malta għall-ħidma kollha li qed twettaq sabiex tassew inbiddlu wiċċ pajjiżna u jkollna Malta li tassew tibbenefika minn infrastruttura moderna tal-ogħla kwalità. Huwa b’dan il-mod li se nkomplu nwasslu aktar riżultati pożittivi madwar pajjiżna b’din it-triq eżempju ċar li jixhed din il-viżjoni ta’ dan il-gvern favur is-sostenibbiltà”, qal il-Ministru Borg.

Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, qal li dan huwa proġett li minn ħolma saret realtà. “Ħadna ħsieb kull aspett min dak ambjentali sa dak rikreattiv. B’mod ambjentali rajna li nimplimentaw dawl b’enerġija solari u ammont ta’ siġar u pjanti. Barra minn hekk eliminajna r-riskji li kienu qed isofru r-residenti. Nixtieq nirringrazzja minn qalbi lill-Ministru Ian Borg u lill-Inġinier Fredrick Azzopardi talli wasslu dan il-proġett u fl-aħħar u mhux l-inqas nirringrazzja lir-residenti kollha Rabtin”.

Permezz tal-ħidma ta’ Infrastructure Malta, Triq Għeriexem issa toffri belvedere mill-isbaħ li jħares lejn waħda mill-isbaħ żoni ta’ pajsaġġ f’pajjiżna, dawl dekorattiv ġdid, bankijiet ġodda, bankina solari b’36 pannelli fotovoltajiċi li se jiġġeneraw madwar 40% tad-dawl ta’ din it-triq u display diġitali ħdejn il-footpath li jagħti rendikont lill-pubbliku ta’ figuri u ta’ kemm qed jiġu ffrankati emissjonijiet.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com