Inawgurat L-Adventure Park F’Ta’ Qali B’Investiment Ta’ €2.3 Miljun

 Inawgurat L-Adventure Park F’Ta’ Qali B’Investiment Ta’ €2.3 Miljun

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura l-Adventure Park, l-ewwel minn sitt żoni tal-Malta National Park, b’investiment ta’ €2.3 miljun b’xogħlijiet li saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Din hi ħolma oħra nazzjonali li pass pass minn fuq il-karta qegħdin nagħmluha realtà. Dan hu gvern li jaħdem, gvern fejn in-nies u l-kwalità tal-ħajja tagħhom hi l-ogħla prijorità tiegħu, gvern li jrid iwassal lil pajjiżna fil-quċċata f’dik li hi sostenibbilità. Dan hu l-ewwel spazju li qed ninawguraw minn fost sitt żoni f’din l-akbar riġenerazzjoni li qatt saret f’Ta’ Qali.”

Is-sitt żoni tal-Malta National Park huma l-adventure park, il-concert area, il-ġnien formali, l-amfiteatru, il-picnic area, u l-farmers market.

Il-Ministru Ian Borg irringrazzja lill-ħaddiema kollha li ħadmu u taw kontribut f’dan il-proġett b’mod speċjali lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qed iwettaq ħidma li tvarja minn dik komunitarja sa dik nazzjonali.

“Qegħdin naraw li nifirxu kemm nistgħu spazji miftuħa madwar pajjiżna għaliex verament nemmnu fihom u fl-impatt pożittiv li dawn iħallu fuq in-nies. Aħna kommessi li nżommu l-impenn tagħna u se nkomplu naħdmu aktar minn qatt qabel sabiex fi ftit xhur ohra nkunu qed niftħu iż-żoni l-oħra ta’ dan il-proġett u allura nkunu qed inroddu l-akbar spazju aħdar daqs 60 grawnd tal-futbol lill-poplu Malti u Għawdxi kollu”, qal il-Ministru Borg.

L-Adventure Park huwa mgħammar bi playing equipment ġdid u modern u li hu anke aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. Apparti hekk, dan il-playing equipment għandu l-faċilità li jitħaddem b’enerġija alternattiva u dik solari. Dan sabiex joffri spazju aktar sostenibbli.

L-Adventure Park jinkludi wkoll sistema ġdida ta’ irrigazzjoni, sistema ġdida ta’ dawl kif ukoll faċilitajiet sanitarji ġodda. Il-park ġie msebbaħ permezz ta’ tħawwil ta’ mijiet ta’ arbuxelli, fjuri u siġar ġodda.

Dan il-weekend il-park se jkun miftuħ għall-familji kollha fejn jistgħu jqattgħu ftit ħin tal-mistrieħ u fejn se jkun hemm bosta attivitajiet għat-tfal.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com