Inawgurata L-Ewwel Pixxina Terapewtika F’San Vinċenz De Paul

 Inawgurata L-Ewwel Pixxina Terapewtika F’San Vinċenz De Paul

F’San Vinċenz de Paul, ġiet inawgurata l-ewwel pixxina terapewtika state-of-the-art fil-blokok il-ġodda – servizz ġdid għall-anzjani li flimkien ma’ gymnasium li se jkun qed jikkumplimenta n-numru ta’ servizzi offruti lill-anzjani f’din ir-residenza.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li b’investiment ta’ madwar €350,000 dan il-proġett huwa kunċett uniku li jinkludi gymnasium ta’ aktar minn 200 metru kwadru u pixxina terapewtika li hija akbar minn 880 metru kwadru. Il-proġett jinkludi tliet pixxini li fihom aktar minn 120 metru kubu ta’ ilma u se jintużaw għal terapija fl-ilma, fiżjoterapija u terapija okkupazzjonali.

Matul konferenza tal-aħbarijiet waqt l-inawgurazzjoni tal-pixxina, il-Ministru Michael Farrugia qal li permezz ta’ din il-pixxina se jkomplu jiġu indirizzati l-bżonnijiet differenti tal-anzjani. “Permezz ta’ dan il-proġett, se nkomplu nsostnu l-anzjanità attiva f’ambjent li huwa adattat anke għal anzjani li għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja”, żied jgħid il-ministru.

Dan il-proġett b’karatteristiċi uniċi fil-bini l-ġdid sar wara konsultazzjoni mal-esperti tekniċi dwar l-aċċessibilità għall-anzjani. Fil-fatt, il-proġett jinkludi rampi li jwasslu għall-pixxina, railings, waterproof wheelchairs, paranki u faċilitajiet sanitarji.

Ġiet spjegata wkoll li karatteristika unika taż-żona tal-pixxina hija l-parti li ġiet ippjanata speċifikament għal anzjani li jbatu minn inkontinenza.

Il-Ministru Farrugia qal li minħabba li dan huwa servizz ġdid f’San Vinċenz sar taħriġ apposta lill-fiżjoterapisti li jkunu qed joffru taħriġ lill-anzjani.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com