Inħallu Inħawi Residenzjali Aħjar Għal Uliedna – L-Istat Irid Jagħti L-Eżempju Però Ma Jistax Jkun Waħdu

 Inħallu Inħawi Residenzjali Aħjar Għal Uliedna – L-Istat Irid Jagħti L-Eżempju Però Ma Jistax Jkun Waħdu

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes kien preżenti għal business breakfast f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, fejn ġiet diskussa s-sostenibbiltà f’żoni urbani u residenzjali, avveniment li ġie organizzat mill-Housing Development Fund, li jifforma parti mill-Awtorità tad-Djar.

Il-Ministru Roderick Galdes tenna kif l-istat irid jagħti eżempju; “L-impenn fir-restawr, riġenerazzjoni ta’ binjiet antiki u mitluqin, il-ħidma biex inħaddru żoni urbani u residenzjali, flimkien mal-inizjattivi li ħadna bħala Ministeru u l-Awtorità tad-Djar biex inkattru l-ispazji miftuħa, jixhdu r-rieda tagħna f’dan l-aspett. Iżda ma jistax ikun l-istat waħdu. Kull min jipparteċipa f’komunità tajjeb li jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-ispazji li naqsmu flimkien.”

Diversi kelliema minn oqsma differenti tkellmu f’dan l-avveniment. Dawn jinkludu lil Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta Prof. Tanya Sammut Bonnici, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, id-Direttur Ġenerali tal-Fondazzjoni tat-Trasport Jeannette Axisa,  Jean Paul Mifsud f’isem il-Valletta Garden City u Mario Cassar, diżinjatur u perit prominenti. Zach Ciappara, il-Kap Eżekuttiv ta’ Freehour, kien il-moderatur ta’ din it-taħdita. Iċ-Chairperson tal-HDF Charmaine Mangion, kif ukoll Karl Tonna, membru tal-kumitat amministrattiv tal-Housing Development Fund, taw preżentazzjoni dwar is-suġġett u l-operat tal-fond.

“Huwa diffiċli li tissepara totalment il-lat kummerċjali minn dak residenzjali fl-ibliet u l-irħula u, bl-istess mod, ir-responsabbiltà li nrendu l-inħawi fejn ngħixu aktar sostenibbli hija waħda li għandna nġorruha flimkien bħala msieħba ugwali f’dan il-proċess,” temm jgħid il-Ministru Galdes.

Preżenti għal dan l-avveniment kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, li  stqarr li, “bħala Malta Enterprise, sentejn ilu meta poġġejna bilqiegħda biex naraw xi strateġija rridu nadottaw, dawwarna ftit il-ħsieb tagħna biex inkunu qed inħarsu lejn mudell ekonomiku illi jkun iktar sostenibbli. Meta nagħmlu l-evalwazzjoni tagħna dwar il-ħsieb ekonomiku u d-deċiżjonijiet li nieħdu dwar l-iskemi u kif napplikawhom, qed ikunu speċifikament fuq kif ħa ntejbu u kif se nkunu ħafna aħjar bl-impatt ta’ dak il-proġett, mhux biss fl-ekonomija u f’dak li għandu x’jaqsam ma’ numri, imma wkoll fil-kwalità tal-ħajja.”

“Irridu nifhmu li kollha ngħixu prattikament spalla ma’ spalla, allura rridu naraw illi għal kull azzjoni ħa nieħdu l-konsegwenza tagħha li se timpatta s-soċjetà. Filwaqt li l-gvern jieħu d-deċiżjonijiet u jinvesti l-flus biex l-impatt fuq is-soċjetà jkun wieħed pożittiv, fl-istess ħin id-dinja tal-business u tas-soċjal iridu jaraw illi fid-deċiżjonijiet tagħhom ikunu qed jolqtu lis-soċjetà, kemm mil-lat ambjentali u anke mil-lat soċjali b’mod pożittiv,” temm jgħid Kurt Farrugia.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com