“Inkomplu Nsaħħu X-Xandir Flimkien” – Il-Ministru Carmelo Abela
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, b’kollaborazzjoni mal-PBS, organizza konsultazzjoni bil-għan li x-xandir nazzjonali jkompli jissaħħaħ. Għal din il-konsultazzjoni kienu mistiedna l-produtturi li għandhom programm fuq l-istazzjonijiet televiżivi: TVM u TVMNews+, fejn kellhom l-opportunità li jagħtu l-feedback meħtieġ.
Il-Ministru, fl-introduzzjoni tiegħu qal li rridu jkollna direzzjoni u ambizzjoni ta’ fejn irridu mmorru. Il-Ministru rrefera għall-fatt li kull xandir jaffaċċja l-isfidi tiegħu, inkluż ix-xandir nazzjonali. Il-Ministru aċċena għall-isfida kompetittiva li t-televiżjoni għandu minħabba mezzi ta’ xandir ieħor— sfida mhux biss nazzjonali imma waħda internazzjonali. Il-Ministru saħaq li bħala pajjiż irridu nixprunaw l-ambizzjoni li nkabbru industrija madwar ix-xandir, li nagħtu opportunità liż-żgħażagħ biex jaqbdu karriera, u b’hekk jinħoloq iktar xogħol lokalment.
F’dan l-isfond, il-Ministru Abela rrefera għal dak li tħabbar fil-baġit għas-sena d-dieħla, li sabiex isostni din id-direzzjoni u l-ambizzjoni, il-PBS nediet proġett li se taġġorna l-faċilitajiet u r-riżorsi tagħha, permezz tar-rivatilizzazzjoni ta’ TV House f’kumpless state-of-the-art bi studios moderni u faċiiltajiet meħtieġa għal produzzjonijiet u trasmissjonijiet bl-ogħla livell.
Il-Ministru qal li “il-Gvern, bħala l-uniku shareholder li għandha l-PBS, għandu kull interess li din il-kumpanija tkun b’saħħitha minn kull aspett: l-aspett finanzjarju, l-aspett tar-riżorsi umani, l-aspett maniġerjali, u fuq kolox l-aspett tal-investiment.” Il-Ministru kompla jgħid li “jekk il-kumpanija ma tkunx b’saħħitha minn dawn l-aspetti, l-ambizzjonijiet ma jkunux jistgħu jintleħqu b’mod tajjeb, għalhekk minkejja li saru tentattivi li l-kumpanija tissaħħaħ minn dawn l-aspetti, irridu nibqgħu għaddejjin b’dan ir-ritmu tajjeb.”
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru fakkar fit-TV Production and Content Fund, fejn qal li għad hemm fondi disponibbli, u appella lill-produtturi biex jaqraw il-linji gwida, u japplikaw minn dan il-fond, li għandu jservi ta’ għajnuna biex tissaħħaħ il-kwalità tal-produzzjonijiet kemm televiżivi u online.
Il-Ministru kkonkluda li “għad fadal xogħol xi jsir, u biex l-għan li x-xandir nazzjonali jkompli jissaħħaħ u jitjieb, irridu lkoll naħdmu flimkien”.