Investiment Ta’ €1.7 Miljuni F’Faċilità Ġdida Għal Start-Ups Fil-Qasam Tal-Gaming U Tal-Esports

 Investiment Ta’ €1.7 Miljuni F’Faċilità Ġdida Għal Start-Ups Fil-Qasam Tal-Gaming U Tal-Esports

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-faċilità Basecamp fil-binja tar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta. Fuq 757 metru kwadru ta’ spazju mgħammra bl-aħħar teknoloġija, din il-faċilità ġdida se tgħin biex ikompli jitkattar ix-xogħol fil-qasam tal-video gaming u tal-esports.

Pass ieħor li qed ikompli jimmaterjalizza l-istrateġija tal-gvern għal dan is-settur, bl-għan li jara 2,500 ħaddiem ġdid fl-għaxar snin li ġejjin.

Basecamp, b’investiment ta’ €1.7 miljun, se tkun qed takkomoda 10 spazji distinti ta’ studios b’daqs differenti operati minn Gaming Malta, bl-għan li start-ups u kumpaniji stabbiliti fil-qasam tal-gaming ikomplu jimirħu.

Filwaqt li Basecamp se tipprovdi l-ispazju tal-uffiċini bi skemi ssussidjati, se tkun qed tmexxi wkoll programm ta’ workshops bl-għan li tkabbar l-għarfien fil-qasam tal-gaming, tiżviluppa networking b’saħħtu bejn il-kumpaniji u tagħti aċċess għal komunikazzjoni msaħħa fost l-industriji u l-investituri f’dan is-settur. Basecamp se sservi wkoll bħala ċentru għall-avvenimenti, konsultazzjoni fil-qasam tal-gaming u one-stop-shop għal dawk li joperaw f’dan is-settur li kull ma jmur qiegħed dejjem jespandi u jikber f’pajjiżna.

Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Schembri kienu akkumpanjati mill-Uffiċjal Kap Operattiv ta’ Gaming Malta Ivan Filetti, li ta spjegazzjoni dettaljata dwar l-istart-ups, l-istudios u l-kumpaniji li diġa qed joperaw minn Basecamp.

Fost dawn il-kumpaniji, il-Prim Ministru tkellem ma’ rappreżentanti minn Draw & Code, waħda mill-iżjed kumpaniji Ingliżi b’saħħitha fit-teknoloġija immersiva, li għażlet lil pajjiżna biex tiftaħ il-fergħa tagħha f’Basecamp.

Il-fundaturi ta’ MetaverseMe, Martyn Hughes u Arne Peters, għażlu speċifikament Basecamp biex ikabbru l-pjattaforma diġitali tagħhom, filwaqt li ż-żewġt aħwa Andrew u Julian Farrugia, fundaturi tal-kumpanija Anvil Game Studios, stqarru li l-investiment tal-lum juri b’mod konkret l-impenn li għandu l-gvern biex ikompli jsaħħaħ il-fiduċja tiegħu f’din in-niċċa ekonomika.

“Permezz ta’ dan l-investiment, il-gvern qed ikompli jattira iżjed kumpaniji f’dan is-settur biex jagħżlu lil pajjiżna bħala l-post ideali minn fejn joperaw. Qegħdin jiġu assigurati wkoll opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri biex jaħdmu fl-industriji tal-ġejjieni u qed isir investiment f’talent ta’ ħila kbira,” irrimarkaw l-aħwa Farrugia.

Fit-testimonjanza tiegħu, l-Eks Kap ta’ Sony Computer Entertainment Europe Chris Deering qal li tul dawn l-aħħar snin pajjiżna rnexxielu jattira kumpaniji fil-qasam tal-gaming ta’ kull tip u dan ma seħħx b’kumbinazzjoni.

“Il-gvern Malti huwa wieħed enerġetiku u progressiv. Illum qed jiġi inawgurat pass ieħor f’din l-istorja ta’ suċċess permezz tal-investiment Basecamp – post speċjali fejn l-ideat jistgħu jimirħu u proġetti eċitanti joħolqu negozji ġodda. Kunfidenti li Basecamp se jkun suċċess,” stqarr is-Sur Deering.

Preżenti matul l-inawgurazzjoni kien hemm is-Sur Alistair Dalli, Chairperson ta’ GamingMalta, l-Uffiċjal Kap Operattiv ta’ Gaming Malta Ivan Filletti u l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com