Ir-Reġjun Tramuntana Bi Preparazzjoni Għas-Sena 2022
Waqt Kunsill Reġjonali Annwali tar-Reġjun Tramuntana li sar matul il-jum tas-Sibt 27 ta’ Novembru 2021 fid-Dolment Hotel, ġew diskussi proġetti ġodda għas-sena li ġejja wara li ġie ppreżentat rendikont ta’ dak li sar matul is-sena li ser tintemm dalwaqt.
Il-Proġetti ġodda b’ideat u suġġeriment kienu diskussi mal-Kunsilliera u Sindki preżenti fejn dawn għad iridu jkunu diskussi iżjed fid-dettall matul laqgħat li ġejjin.
Preżenti wkoll, kunsilli lokali li mhux ser jibqgħu aktar jiffurmaw parti mir-Reġjun Tramunatana fosthom Ħad Dinli, Għargħur, is-Swieqi, Pembroke, l-Imdina u r-Rabat.
Ir-Reġjun Tramuntana issa ser ikun jikkonsisti f’9 kunsilli lokali: in-Naxxar, Mosta, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Mellieħa, Imtarfa, Imġarr, Ħal Balzan u Ħ’Attard.
Fost il-punti li tqajjmu kien hemm il-bżonn li tingħata aktar attenzjoni lill-identità lit-Tramuntana ta’ pajjiżna, iżjed kuxjenza tal-irwol tar-Reġjun, kif ukoll il-bżonn, li l-Kunsilli Lokali li jiffurmar parti, jipparteċipaw iżjed biex ikun hemm iżjed riżultati kollettivi għall-ġid kemm tal-kunsilli nfushom kif ukoll tan-nies fil-lokalitajiet.
Ir-Reġjun Tramuntana ppreżenta wkoll il-kiteb ‘Colours of the North’ lil dawk preżenti, kif ukoll ingħata AED (Automatic External Defibrilator) lil kull Kunsill għall-użu fil-lokalitajiet.
Ġew diskussi wkoll bosta sfidi fil-lokalitajiet, fejn ir-Reġjun Tramuntana aċċenna li ser ikun qed ikun ta’ spalla għall-Kunsilli biex ikollhom iżjed vuċi kif ukoll modi u ideat oħra kif ir-Reġjun jgħin lill-Kunsilli membri jissaħħu u b’mod kollettiv, iwettqu aktar ħidma ta’ fejda.
Preżenti kien hemm ukoll il-President Elett Clifford Galea Vella li ser jieħu post il-President uxxenti Anton Mifsud.