“Ir-Residenti Għandhom Jkollhom Serħan Il-Moħħ” – Il-Problema Tad-Drenaġġ F’San Pawl Il-Baħar Tkompli Tippersisti

 “Ir-Residenti Għandhom Jkollhom Serħan Il-Moħħ” – Il-Problema Tad-Drenaġġ F’San Pawl Il-Baħar Tkompli Tippersisti

Hekk kif propju ftit tal-jiem ilu kien rappurtat li ammont kbir ta’ drenaġġ kien spiċċa fit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar viċin l-iskola primarja, dalgħodu jidher li l-problemi reġgħu feġġew.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar dalgħodu fuq il-mezzi soċjali tiegħu staqsa jekk dak l-ilma li qed jidher fil-filmat hux drenaġġ li qed jispiċċa fil-bitħa tal-iskola.

“U jekk iva min se jħares is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti u l-istudenti?” kompla jsaqsi Robert Cutajar, filwaqt li qali “jekk le, tajjeb ir-residenti jkunu jafu wkoll. Is-serħan il-moħħ fuq dan il-każ huwa wieħed obbligatorju għall-awtoritajiet lir-residenti,” tenna Cutajar.

Huwa temm jgħid li dan il-każ ressqu wkoll quddiem il-Parlament.

F’kummenti li ħadna mingħand Robert Cutajar dwar dan il-każ qalilna li għadu kemm tkellem mal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana fejn talabha l-attenzjoni tagħha fuq il-każ. Cutajar qalilna li “minnaħa tagħha assiguratni li fuq dan il-każ se tkun qed tara li s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal tal-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar se tkun qed tingħata prijorità massima. Se tkun qed iżommni infurmat dwar il-każ matul il-jum tal-Ħadd”.

Fuq il-mezzi soċjali tagħha l-kandidata Graziella Galea ukoll tkellmet fuq dan il-każ. Hija qalet li “sitwazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux jibqgħu jirrepetu. Ilni ngħid li hemm bżonn tibdil fis-sistema sħiħa tad-drenaġġ biex tlaħħaq mad-domanda li llum insibu ġewwa din il-lokalità.”

Galea rringrazzjat ukoll lill-ħaddiema tal-WSC li fi ftit ħin marru fuq il-post sabiex inaqqsu l-inkonvenjent lir-residenti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com