Ir-Resident U S-Sindku Tal-Qala Flimkien Mal-Attivisti Jkomplu Jopponu L-Iżvilupp Fil-Ħondoq
Diversi residenti mill-Qala, Għawdex flimkien mas-Sindku Paul Buttigieg u bosta attivisti fosthom il-Moviment Graffitti llum iltaqgħu fil-Bajja tal-Ħondoq b’turija ta’ appoġġ lis-Sindku tal-Qala u lill-Qalin, li ilhom għal dawn l-aħħar 19-il sena jopponu l-applikazzjoni tal-proġett f’din il-bajja u jiġġieldu biex isalvaw lill-Ħondoq.
Din il-protesta saret fl-istess ħin li t-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar kien qed iżur is-sit tal-Ħondoq biex jiddeċiedi dwar l-appell imressaq mill-applikant. Fuq il-post, kien hemm ukoll l-avukat Carmelo Galea, bħala l-avukat tal-kumpanija Gozo Prestige.
Il-Moviment Graffitti fuq il-mezzi soċjali tagħhom qalu li “bla mistħija ta’ xejn, Gozo Prestige qed topponi d-deċiżjoni biex tiġi rriffjutata l-applikazzjoni għall-iżvilupp enormi li se jkun qed jikkundanna lill-Ħondoq għal rovina sħiħa.”
Il-Moviment Graffitti tennew li fid-diversi attentati biex il-Ħondoq jiġi żviluppat f’villaġġ turistiku sħiħ, b’yacht marina, lukandi, vilel, appartamenti u kull xorta ta’ żvilupp inkluż, dejjem sabu oppożizzjoni ġustament ħarxa mis-Sindku Paul Buttigieg u r-residenti Qalin.
Is-Sindku Paul Buttigieg ilu żmien twil jinsisti biex Ħondoq ir-Rummien jiġi ddikjarat bħala dominju pubbliku mill-Parlament u jingħata l-protezzjoni mistħoqqa taħt il-pjan lokali sabiex qatt iktar ma jiġi mhedded mill-iżvilupp. “Din is-saga ilha għaddejja snin twal, taħt żewġ amministrazzjonijiet differenti, u l-karba tan-nies biex jipproteġu l-Ħondoq dejjem waqgħet fuq widnejn torox.”
Il-Moviment Graffitti temmew jgħidu li huma jappoġġjaw bis-sħiħ lir-residenti u lill-Kunsill Lokali tal-Qala f’din il-ġlieda u “nittamaw li t-Tribunal tal-Ippjanar jagħmel dak li huwa ġust u xieraq.”