Ir-Restawr Tal-Kunvent Ta’ Santu Wistin Fil-Belt Valletta Mistenni Jkun Lest F’Marzu 2022
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żar ix-xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru fil-Kunvent ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta hekk kif se jinbidel f’Ċentru ta’ Interpretazzjoni tal-Komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett, li qed jitmexxa mill-Fondazzjoni Soċjokulturali Ambjentali Agustinjana (FSKAA), qed isir b’investiment ta’ madwar €1.5 miljun mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali, u se jiġi jiswa total ta’ €2.3 miljun.
Dr Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dawn il-fondi qed inkomplu nikkonservaw il-wirt kulturali ta’ pajjiżna permezz tar-restawr ta’ dawn is-siti storiċi.
Fost ix-xogħlijiet infrastrutturali li għaddejjin bħalissa, il-proġett jinkludi r-restawr u l-konservazzjoni tal-erba’ faċċati tal-kunvent, it-tħaffir ta’ parti mill-bitħa u l-installazzjoni ta’ lift li jkun aċċessibbli għal kulħadd. Dan ix-xogħol se jkun qed isir bil-għan li din il-binja tiġi żviluppata f’ċentru soċjali u komunitarju li tintuża mill-komunità kif ukoll mit-turisti.
Dan il-proġett jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-wirt storiku tal-Belt u permezz ta’ dan ir-restawr se nkomplu ntejbu l-ambjent kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-Beltin. Dan se jsaħħaħ ukoll il-kwalità tal-prodott turistiku kulturali tal-Belt Valletta.
Id-Direttur tal-Fondazzjoni Dr Malcolm Borg qal li dan il-proġett bħalissa wasal fit-tielet u l-aħħar fażi. Din il-fażi se tindirizza l-għeluq tax-xogħol fil-faċċati u dak ix-xogħol intern li jinkludi; l-imħażen, il-kunvent u il-kjostru. Dan l-investment kien vitali għall-FSKAA u għall-komunità għax se jirriġenera binja estensiva li kienet ilha biex tiġi rrestawrata b’mod sinjifikanti minn wara t-Tieni Gwerra Dinija meta partijiet sostanzjali ġġarrfu.
Il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin Fr Alexander Cauchi qal, “Grazzi għal dawn il-fondi Ewropej stajna nagħmlu r-restawr tal-erba’ faċċati u ta’ partijiet mill-intern tal-kunvent li fi żmien il-gwerra kienu ntlaqtu u kienu ttranġaw biss b’mod temporanju, imma l-bqija tar-restawr ma kienx seta’ jsir minħabba problemi finanzjarji.”
Dan il-proġett huwa maħsub li jitlesta sa Marzu 2022.
Ritratti: DOI