“Iridu Jixhdu Dwar X’Raw U Minn Xiex Għaddew…It-Tmexxija Tal-Ħabs Qed Tirrifjuta Li Jagħmlu Dan” – Peppi Azzopardi
“Bħalissa, waqt li qed nikteb, hemm erba’ priġunieri li jridu li jagħmlu statements mal-Pulizija dwar it-tmexxija tal-Ħabs. Iridu jixhdu dwar x’raw u minn xiex għaddew.” Hekk kiteb dalgħodu Peppi Azzopardi f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu.
Skont Azzopardi t-tmexxija tal-Ħabs qed tirrifjuta li tħallihom jagħmlu l-istatement mal-Pulizija. “Jiena għadni kif bgħatt l-ismijiet ta’ dawn l-erba’ priġunieri lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu azzjoni immedjata biex dawn il-priġunieri jkunu jistgħu jixhdu,” tenna Peppi Azzopardi.
Fil-messaġġ tiegħu huwa qal ukoll li d-Direttur tal-Ħabs qed ikun investigat mill-Pulizija. “Imma din l-investigazzjoni hija farsa traġika. U hawn nindirizza lil min hu responsabbli ta’ dan kollu,” kompla jgħid Peppi Azzoaprdi.
Lill-Ministru responsabbli Byron Camilleri, Peppi Azzopardi staqsa, “taħseb li huwa sewwa li d-direttur tal-Ħabs jibqa’ hemm meta qed ikun investigat fuq allegati azzjonijiet kriminali mill-Pulizija? M’intix tara li din hija farsa traġika? Possibbli m’intix tinduna li l-ħabsin maħqura hemm ġew jibżgħu jitkellmu għax jafu l-ħruxija li hemm hemm tistenniehom hemm ġew?”
Azzopardi saħaq li dawn l-erba’ priġunieri jridu jagħtu statement dwar x’raw u minn xiex għaddew fosthom swat u jridu jikxfu kif bħalissa it-tmexxija tal-Ħabs qed tagħmel minn kollox biex tagħlaq ħalq il-priġunieri dwar kif jixhdu.
“Ninnota li Kummissarju tal-Pulizija, kif inhu dmiru, qed jinvestiga lit-tmexxija tal-Ħabs,” qal Peppi Azzopardi, filwaqt li temm jgħid li huwa diġà ressaq ex-ħabsin biex ikunu interrogati u jikxfu x’raw u minn xiex għaddew, filwaqt li qal ukoll li l-Pulizija aġġixxew bl-iktar mod professjonali.