“Irridu Naħsbu F’Pulmun Aħdar Lill-Karkariżi” – Alex Muscat

 “Irridu Naħsbu F’Pulmun Aħdar Lill-Karkariżi” – Alex Muscat

Birkirkara hija t-tieni l-ikbar belt popolata f’Malta. Huwa nuqqas ovju li nkomplu nħabbru proġetti ta’ tħaddir urban mingħajr ma naħsbu f’Birkirkara.

Dan stqarru s-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat waqt diskors li għamel ilbieraħ fil-Parlament.

“Iktar ma jgħaddi żmien iktar il-komunitajiet qed jirrealizzaw il-bżonn li jkollna spazji ħodor miftuħa”, qal Alex Muscat, li riċentement ħabbar proġetti ta’ tħaddir urban fil-Ħamrun, Ħaż-Żabbar, Ħal Qormi u l-Mosta. Dawn il-proġetti diġà bdew jitwettqu fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

“Hemm ħafna nies li jagħżlu li jgħixu fil-belt ta’ Birkirkara, jew inkella jiftħu negozji hemm. Għandek saħansitra parroċċi li nibtu minn Birkirkara. Il-Karkariżi u r-residenti kollha ta’ Birkirkara għal kuntrarju ta’ bnadi oħra, m’għandhomx, jew neqsin ħafna minn dak il-pulmun aħdar…minn spazju miftuħ fejn il-familji u l-komunità jistgħu jirrikreaw. Ħlief il-ġnien tal-istazzjon, il-Karkariżi bilfors iridu joħorġu minn Birkirkara biex ikollhom ftit nifs. Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa nuqqas”, sostna s-Segretarju Parlamentari.

“Wasal iż-żmien li belt daqstant kbira f’pajjiżna tibbenefika wkoll mill-investiment fl-urban greening, biex il-familji li jgħixu hemm ikollhom spazju aħdar qrib darhom. Se nkun qed nesplora l-possibilità li l-ġid li ħloqna mill-investiment dirett barrani, insarrfuh hemm ukoll”, temm jgħid Alex Muscat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com