“Is-Sistema Tas-Saħħa Pubblika F’Pajjiżna Trid Tkun Garantita, Sostenibbli U Ta’ Kwalitá” – Il-PN
“Pajjiżna dejjem gawda minn servizzi u kura tas-saħħa tal-ogħla livelli. Dan mertu tal-ħaddiema professjonisti fis-settur li kollha huma ddedikati lejn il-kura tal-pazjent. Huwa għalhekk li hemm bżonn li nkomplu ninvestu f’dan ir-riżors uman fl-oqsma kollha tas-saħħa.”
Dan huwa il-ġist ta’ dak li qal il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri, filwaqt li kompla jisħaq li pajjiżna ma jistax jibqa’ jiddependi minn sptar wieħed biss u għalhekk il-viżjoni ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista hi li jeħtieġu aktar Sptarijiet sabiex inlaħħqu mad-domanda ta’ servizzi u kura speċjalizzati.
Permezz ta’ stqarrija Spiteri qal li l-prijorità mmedjata huma Sptar għas-Saħħa Mentali ġdid, rinnovazzjoni tal-Isptar San Luqa u sptar ġdid f’Għawdex u investimenti akbar fil-Kura Primarja. Dan bl-iskop li jitnaqqas il-piż fuq l-isptar Mater Dei.
Id-Deputat Stephen Spiteri tenna wkoll li l-Gvern għandu jidħol f’Public Private Partnerships sabiex issir Outsourcing ta’ servizzi u kura lill-privat u b’hekk jitnaqqsu il-waiting lists għall-pazjenti, li kull ma jmur aktar qegħdin jiżdiedu.
“Ma jistax ikun li fl-2021 pazjenti jistennew bil-ħniena sabiex jiġu kkurati u lil min ma jistax jasal fil Privat għandu jibqa’ jistenna sakemm xi darba imissu hu,” saħaq Stephen Spiteri.
Huwa temm jgħid li “l-PN kommess li meta jkun fil-gvern jassigura li s-sistema tas-saħħa pubblika f’pajjiżna trid tkun garantita, sostenibbli u ta’ kwalità u għalhekk jinqata’ mill-kuntratt ta’ Vitals u Steward li issa ħareġ ċar li l-kuntratt hu vvizzjat.”
Ritratt: Facebook / Mater Dei Hospital